Futbol Sport

Illum il-finali tal-Coppa Italia bejn Inter u Fiorentina

Illejla fi Stadio Olimpico ta’ Ruma tintlagħab il-finali tal-Coppa Italia bejn il-holders tal-kompetizzjoni Inter u Fiorentina.

Din mhux l-aħħar finali għaż-żewġ timijiet f’din l-aħħar fażi tal-istaġun, dan għaliex kemm Inter u anki Fiorentina fi ftit ġranet oħra jkunu mpenjati f’finali ta’ kompetizzjoni Ewropea.

Fiorentina se jiltaqgħu kontra West Ham United fil-UEFA Europa Conference League filwaqt li Inter ukoll jiltaqgħu kontra avversarji mill-Ingilterra, iċ-champions Manchester City fil-finali tal-UEFA Champions League.

Inter se jkunu qegħdin ifittxu d-disa’ suċċess f’din il-kompetizzjoni filwaqt li l-Vjola se jkunu qegħdin ifittxu s-seba’ suċċess wara nuqqas ta’ 22 sena, fejn l-aħħar suċċess ta’ Fiorentina jkun dak fl-istaġun 2000-01 meta kienu għelbu lil Parma meta dak iż-żmien il-finali kienet tintlagħab fuq żewġ logħbiet.

Inter jibdew xi ftit favoriti fejn għaddejjin minn perjodu tajjeb fil-kampjonat anki jekk nhar il-Ħadd sofrew telfa kontra ċ-champions il-ġodda Napoli wara li lagħbu taqsima sħiħa bi plejer inqas. Biex waslu sal-final Fiorentina fir-rawnd tal-aħħar sittax eliminaw lil Sampdoria 1-0 b’gowl ta’ Barak u fil-kwartifinali eliminaw lil Torino 2-1. Il-gowls ta’ Fiorentina kienu skorjati minn Jovic u Ikone. Fis-semifinali Fiorentina ltaqgħu kontra s-sorpriża Cremonese li waslu sas-semifinali wara li eliminaw lil Napoli .Fl-ewwel leg fi Cremona, Fiorentina rebħu 2-0 b’gowl ta’ Cabral u penalty skorjat minn Gonzalez, filwaqt li fil-logħba ta’ ritorn fl-Artemio Franchi ta’ Firenze l-iskor baqa’ ma nfetaħx.

Inter bdew fir-rawnd tal-aħħar sittax meta eliminaw lil Parma 2-1 wara l-ħin barrani fejn Parma kienu jidhru resqin lejn rebħa sorpriża qabel ma Martinez kiseb id-draw fit-88 minuta. Fil-ħin barrani kien id-difensur Acerbi li skorja l-gowl tar-rebħa. Fir-rawnd ta’ wara Inter iltaqgħu kontra Atalanta u rebħu 1-0 b’gowl ta’ Darmian fit-tieni taqsima. Fis-semifinali Inter lagħbu kontra r-rivali kbar Juventus, f’żewġ semifinali mill-iktar kumbattuti. Fl-ewwel leg f’Turin draw ta’ 1-1, b’żewġ gowls fl-aħħar minuti tal-logħba. Kien Cuadrado li fetaħ l-iskor għal Juventus fit-83 minuta, iżda fil-ħames minuta ta’ ħin miżjud Romelu Lukaku kiseb il-gowl tad-draw minn penalty. Fil-logħba ta’ ritorn f’San Siro Inter rebħu 1-0 grazzi għal gowl ta’ Dimarco wara kwarta logħob biex Inter għaddew b’aggregate ta’ 2-1.

Ta’ min jgħid li din se tkun l-ewwel darba fl-istorja ta’ din il-kompetizzjoni li l-finali se tintlagħab bejn Inter u Fiorentina. Minbarra s-sitt suċċessi tagħhom, Fiorentina ħarġu erba’ darbiet oħra bħala finalisti telliefa, bl-aħħar finali mitlufa tkun kontra Napoli fl-2014.Minn naħa ta’ Inter minbarra t-tmien suċċessi miksuba, kienu sitt darbiet finalisti telliefa, bl-aħħar finali mitlufa tkun dik tas-sena 2008 kontra Roma.