Internazzjonali

Ir-Russja: Tipprova ttaffi l-impatt tal-inkursjoni bl-akkużi kontra l-Istati Uniti

L-Istati Uniti qed tiċħad li għenet jew ipprovdiet l-armi ‘bi ħsieb’ lill-gruppi tal-paramilitari li fil-bidu tal-ġimgħa qasmu mill-Ukrajna lejn ir-Russja fost il-battalji kontinwi mal-qawwiet tas-sigurtà Russi fir-reġjun ta’ Belgorod.

Ir-Russja, issa, qed tgħid li għelbet lill-paramilitari li wettqu l-akbar rejd fl-artijiet Russi mindu l-qawwiet tal-Kremlin invadew lill-Ukrajna fl-aħħar jiem ta’ Frar. Sadanittant, is-sorsi Russi qed jirrepetu stqarrijiet dwar l-allegat sehem tal-Amerikani fir-rejd, bl-Istati Uniti qed tkompli tinsisti li ‘bl-ebda mod ma inkoraġġiet jew appoġġjat l-attakki tal-aħħar jiem fir-Russja.

Dan waqt li r-Russja, fl-aħħar sigħat, ippruvat tpinġi lil Washington fl-agħar dawl possibbli bil-pubblikazzjoni  ta’ diversi vetturi militari tal-Punent – inklużi Humvees immanifatturati fl-Istati Uniti – li spiċċaw meqrudin fl-ibnadi ta’ Belgorod.

Intant, numru ta’ sorsi qalu li l-Punent jinsab ansjuż li l-armamenti li qed jipprovdi għad-difiża tal-Ukrajna kontra l-qawwiet Russi ma jintużawx għal ‘aggressjoni diretta fuq l-ibliet tar-Russja’.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern tal-Ukrajna wkoll qed ikompli jiċħad sehem fir-rejds mill-fruntiera fost l-istqarrijiet li l-inkursjoni fit-territorji tar-Russja tmexxew minn żewġ gruppi ta’ paramilitari Russi li jridu jaraw l-aħħar tar-reġim ta’ Moska, immexxi mill-President Russu Vladimir Putin.

Waqt l-eqqel tal-ġlied f’Belgorod kienu evakwati l-eluf tar-residenti mill-villaġġi tar-reġjun u sakemm is-sitwazzjoni nġiebet taħt kontroll. Dan waqt li Moska qalet li nqatlu l-għexieren tat-‘terroristi’ fl-inkursjoni u fost l-istqarrijiet li l-ġellieda inkwistjoni kienu kollha Ukreni.

Sadanittant, il-gruppi paramilitari li wettqu l-inkursjoni fir-Russja bagħtu messaġġi fuq il-media soċjali biex jikkonfermaw l-azzjonijiet militari. Iż-żewġ gruppi infurmaw lix-xandar Suspilne tal-Ukrajna li huma qegħdin jiżviluppaw ‘zona demilitarizzata mal-fruntiera tar-Russja u li ma tistax tintuża mir-Russi biex jibbumbardjaw lill-Ukrajna’.

Din l-inkursjoni qed tidher li kienet ferm embarazzanti għar-Russja, irrispettivament mill-kummenti tal-propagandisti f’Moska biex jimminimizzaw l-impatt fuq il-moral tar-Russi.