Il-Kap tal-Partit tar-Rebħa, Umit Ozdag, iddeċieda li jappoġġja lill-kandidat tal-Oppożizzjoni Kemal Kilicdaroglu għall-Presidenza tat-Turkija.
Dan meta Kilicdaroglu qed jikkuntesta kontra l-President Tork Recep Tayyip Erdogan fil-fażi deċiżiva tal-elezzjoni għall-Presidenza li ssir nhar il-Ħadd – b’Ozdag, politiku tal-lemin radikali, isostni li hu u Kilicdaroglu qablu dwar pjan biex il-miljuni tal-immigranti fit-Turkija jintbagħtu lura lejn pajjiżhom ta’ oriġini fi żmien sena.
Il-President Erdogan hu favorit li jirbaħ il-vot tal-Ħadd wara li kiseb kważi nofs tal-appoġġ popolari fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni.
Intant, Umit Ozdzag, li kellu taħditiet anki mal-istess Erdogan, iddeċieda biex ma jappoġġjax lill-President wara li hu ma deherx interessat fir-ripatrijazzjoni tal-immigranti.
Sadanittant, l-ultranazzjonalist Sinan Ogan, li fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni rebaħ viċin it-tliet miljun vot bħala t-tielet l-aktar kandidat b’saħħtu, wiegħed l-appoġġ tiegħu lill-President Erdogan.
//= $special ?>