Lokali

“Jeħtieġ li nsaħħu l-kompetittività internazzjonali ta’ pajjiżna” – Jerome Caruana Cilia

“Jekk trid ġġib il-bidla u ġġib bidla pożittiva, toqgħodx tistenna sa għada. Jeħtieg li taġixxi issa. Dan huwa dak li għandna nagħmlu, ilkoll flimkien”. Dan intqal mid-deputat Nazzjonalista u l-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia waqt li kien qed jindirizza l-konferenza organizzata mill-Institute of Financial Services Practitioners bit-tema Transforming Financial Services: The Time is Now!

Il-Kelliem għall-Finanzi Jerome Caruana Cilia, qal li l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għal Malta tibqa’ dik li jkollna ekonomija dinamika, fejn jinħoloq xogħol ta’ valur miżjud msejsa fuq il-kompetenza, il-ħiliet u l-eċċellenza u li kapaċi ssostni livell għoli ta’ għajxien għaċ-ċittadini tagħha.

Għal dan il-għan l-għanijiet ewlenin tal-politika tal-Partit Nazzjonalista hi li: fost oħrajn niffukaw fuq tkabbir ekonomiku sostenibbli u fejn noħolqu impjiegi ta’ kwalità, it-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi biex ikollna pożizzjoni fiskali iktar sostenibbli u li nsaħħu l-governanza tajba u nnaqsu l-burokrazija żejda.

Matul is-snin l-industrija tas-servizzi finanzjarji ħolqot impjiegi ta’ kwalità, attirat investiment dirett barrani serju, ħolqot karrieri u ġġenerat dħul sostanzjali għall-amministrazzjonijiet differenti.

Bħal pajjiżi oħra, Malta wkoll qeda kontinwament tiffaċċja pressjonijiet kompetittivi internazzjonali u l-isfidi ekonomiċi u finanzjarji li jirriżultaw miż-żieda fil-prezzijiet tal-komoditajiet u l-isfidi marbuta mas-swieq finanzjarji. Dawn iż-żminijiet ta’ sfida u inċertezza m’għandniex inħarsu lejhom biss bħala riskju jew diffikultà iżda flimkien, għandna nsibu mod kif inbiddlu dan kollu f’opportunità.

Id-deputat Caruana Cilia qal li waħda mill-isfidi li Malta qed tiffaċċja huwa biex inkomplu nsaħħu l-kompetittività internazzjonali ta’ pajjizna. “Is-suċċess ta’ dan l-isforz se jiddependi b’mod partikolari fuq kemm is-settur pubbliku u dak privat jaħdmu flimkien b’mod effettiv, speċjalment fuq l-implimentazzjoni ta’ policies b’mod iktar efficjenti”, sostna Jerome Caruana Cilia.