Lokali Qorti

Ma sfruttax iċ-ċans li tagħtu l-Qorti u mar erba’ snin u 10 xhur ħabs oħra

Alġerin ta’ 25 sena li ngħata diversi ċansijiet mill-Qorti ma tgħallem xejn u ma sfruttax iċ-ċans biex jibdel ħajtu meta wara li kien għadu kemm ġie kundannat sentejn ħabs fuq serq reġa ġie kundannat erba’ snin u 10 xhur ħabs oħra jumejn biss wara wkoll fuq reati ta’ serq minn ħwienet.

Adem Djouambi residenti Tas-Sliema, intbagħat erba’ snin u 10 xhur ħabs wara li ammetta li seraq għadd ta’ affarijiet mill-ħwienet wara li ftit ilu ngħata ċans mill-Qorti biex jibdel ħajtu. L-aħħar sentenza ngħatat mill-Maġistrat Abigail Critien

Huwa nstab ħati li fi Frar li għadda seraq nuċċali tax-xemx minn ħanut fil-Belt Valletta u li dan ix-xahar seraq nuċċali tax-xemx ieħor minn ħanut ieħor fl-istess lokalità. Dan ix-xahar ukoll fl-istess ġurnata seraq basket u mobile minn żewġt iħwienet differenti fil-Belt. Huwa nstab ħati wkoll li sar riċediv.

l-Qorti qieset li ftit jiem qabel ma kkometta dawn ir-reati kien għadu kemm ingħata opportunità mill-Qorti sabiex jirregola ruħu u jaqbad it-triq it-tajba. Innotat li f’sentenza oħra li ngħata fit-22 t’April, kien ta l-impressjoni li ried jibda ħajja ġdida u l-Qorti dak inhar kienet tagħtu l-opportunità li jagħmel dan billi illiberatu mill-akkużi miġjuba kontrih bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor matul tlett snin. Il-Qorti qalet li din l-opprunità ma swiet għal xejn.

Għaldaqstant huwa ġie kiundannat erba’ snin u sitt xhur ħabs għall-akkużi l-ġodda ta’ serq u erba’ xhur oħra dwar is-sentenza li fiha kien ingħata l-libertà proviżorja. Sadanittant jumejn qabel din is-sentenza l-Alġerin kien ikkundannat sentejn ħabs wara li ammetta akkużi ta’ serq u frodi u li kiser kundizzjonijiet imposti mill-Qorti wara li nstab ħati ta’ reat u li hu riċediv.

Adem Djouambi ingħġata din is-sentenza mill-Maġistrat tal-Għassa Victor Axiaq wara li nstab ħati li fl-24 ta’ April li għadda seraq baskett minn Pembroke li kien fih fost oħrajn karti ta’ kreditu, dokumenti ta’ identifikazzjoni, kartiera b’€200 fiha u ċurkett għad-dannu ta’ sid il-baskett u li għamel użu minnhom aktar tard matul il-ġurnata f’lokalitajiet differenti kif ukoll li dakinhar stess seraq mobile minn stabbiliment f’San Ġiljan.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija identifikaw lill-akkużat minn filmati ta’ kameras tas-sigurtà fis-7 ta’ Mejju meta pprova jisraq minn ħanut fil-Belt u kien liebes l-istess ħwejjeġ. il-Qorti l-akkużat qal li hu jbati minn diversi kundizzjonijiet u għandu bżonn jixtri l-mediċina iżda flus m’għandux u għalhekk kien qed jisraq.