Lokali

Mhux aċċettabbli li Robert Abela u Joseph Muscat jibqgħu jattakkaw il-ġudikatura

Il-Partit Nazzjonalista jqis l-attakki ta’ Robert Abela u Joseph Muscat fuq il-ġudikatura ta’ pajjiżna bħala mhux aċċettabbli f’soċjetà demokratika u għalhekk huma deplorevoli u perikolużi.

Hekk saħaq Karol Aquilina, kelliem għall-ġustizzja, fi stqarrija li ħarġet l-Erbgħa.

Robert Abela ilu għal diversi xhur jattakka lill-Maġistrat li qed tmexxi l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-mewta traġika taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia. Qed jattakka lill-Maġsitrat meta fl-istess waqt, qed iwebbes rasu u jirrifjuta li ssir Inkjesta Pubblika, kif qed titlob omm Jean Paul Sofia.

Fl-aħħar jiem, Joseph Muscat mexa fuq l-eżempju ħażin ta’ Robert Abela u beda kampanja sistematika ta’ attakki fuq il-Maġistrat li għal dawn l-aħħar erba’ snin qed tmexxi Inkjesta Maġisterjali dwar il-bejgħ tal-isptarijiet pubbliċi lil Vitals u Steward.

L-attakki ta’ Robert Abela u ta’ Joseph Muscat huma intenzjonati biss biex huma personalment u dawk ta’ madwarhom ma jintlaħqux mill-id tal-ġustizzja dwar każijiet gravi ta’ abbuż ta’ poter, korruzzjoni u ħasil ta’ flus.
Dawn l-attakki mhux qed isiru b’kumbinazzjoni iżda huma ippjanati, maħsuba u mwettqa b’mod li jippruvaw ifixklu lill-ġudikatura fil-qadi tad-dmirijiet kostituzzjonali tagħha u biex jippruvaw itellfu mir-rispett u l-fiduċja li l-poplu Malti u Għawdxi għandu fil-ġudikatura ta’ pajjiżna.

Għalhekk, filwaqt li jesprimi solidarjetà sħiħa mal-ġudikatura ta’ pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista jistenna li Robert Abela u Joseph Muscat jieqfu minnufih jattakkaw lill-ġudikatura u minflok, jagħrfu pubblikament ir-rwol tal-qrati ta’ pajjiżna bħala l-aħħar bastjun tad-demokrazija.