GSSE Malta 2023 Sport

‘Ninsabu fl-aqwa tagħna u nħossuna motivati ħafna’ – Peppijna Dalli (Pole Vault)

Meta ninsabu lejlet il-bidu tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar niltaqgħu ma’  Peppijna Dalli li tipprattika il-Pole Vault u li hija waħda mill-ħafna atleti ta’ Pembroke Athleta li ser jiffurmaw parti mit-tim Malti tal-Atletika. Peppijna titkellem dwar l-atmosfera pożittiva li hemm fost l-atleti.  Fl-aħħar xhur saret ħidma u preparamenti mill-atleti u l-klabbs tagħhom. Fi kliemha stess:  “ninsab verament kuntenta li għal darba oħra nifforma parti mit-tim li se jieħdu sehem. Dawn huma r-raba’ Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li qiegħda nieħu sehem fihom.  Dawk li se jsiru ftit jiem oħra huma speċjali għax se jkunu qegħdin iseħħu f’Malta. Fil-qasam tal-atletika nista’ ngħid li ninsabu fl-aqwa tagħna. Inħossuna motivati ħafna. Hemm enerġija pożittiva.”

Tkompli tgħid li “l-motivazzoni ġejja mill-assoċjazzjoni, mill-klabbs tagħna, mill-apparat li għandha u l-kowċis li jappoġġjawna ħafna, kemm mentalment kif ukoll fiżikament għandna appoġġ qawwi.”

Lil Peppijna ma tistax ma tistaqsihiex għaliex għażlet id-dixxiplina tal-Pole Vault. Tistaqsiha dan għax m’hemm ebda dubju li f’dan l-isport ftit li xejn għandna atleti u fil-fatt għandna sitta biss. Tgħidilna li “jien kont nitħarreġ fil-ġinnastika. Bdejt fih għax kemm ommi u kemm iz-zija kienu kowċis fil-ġinnastika. Kbirt dejjem fid-dinja tal-isport. Fil-ġinnastika bdejt meta kelli madwar tlett snin u waqaft meta kelli xi 18-il sena. Meta bdejt noqrob lejn l-età ta’ 18-il sena kienu bdew iħajruni biex naqleb fuq l-atletika. Kien hemm David Azzopardi, li kien Direttur fil-Kumitat Olimpiku Malti u kien beda jħajjarni biex nibda l-Pole Vault. Kont għedtlu, li kont se naħsibha. Wara kont mort  il-World Championship tal-Gymnastics u ma kontx ikkwalifikajt. Iddeċidejt li kien wasal iż-żmien li nagħmel bidla. Kont kellimt lil David u hu tani d-dettalji lil min irrid inkellem biex nibda nitħarreġ fil-Pole Vault”.

‘Irid jgħaddi ftit żmien sakemm tidra t-tranżizzjoni”

Imma kemm hi faċli tranżizzjoni mill-ġimnastika għall-qasam tal-atletika?  Tista’ tagħmilha mil-lum għal għada speċjalment meta tkun ilek ħmistax-il sena tipprattika u titħarreġ fid-dixxiplina tal-ġinnastika? Peppijna tispjega ċar dwar dan. “L-ewwel ftit ġimgħat użajthom bħala tranżizzjoni. Irid jgħaddi ftit żmien sakemm tidra, meta minn dixxiplina taqleb għal oħra. Fl-ewwel ftit ġimgħat bdejt nipprattika tlett darbiet fil-ġimgħa il-pole vault u darbtejn fil-ġimgħa bqajt nipprattika l-ġinnastika. Bil-mod il-mod għamilt it-tranżizzjoni”

”Meta nikkompeti nippreferi nkun waħdi”

Fi sport bħal Pole Vault, prattikament l-atleta jikkompeti waħdu, fis-sens li m’hemmx dak l-ispirtu ta’ tim bħal dixxiplini oħra. Mistoqsija dwar dan, Peppijna tgħidilna “biex inkun onesta, jien togħġobni l-idea li nikkompeti waħdi. Li titħarreġ ma’ sħabek u fi spirtu ta’ tim fiha s-sabiħ tagħha. Jien tlajt nitħarreġ u nikkompeti fil-ġinnastika. Kont inkun qiegħda hemm waħdi. Jekk nirbaħ irbaħt jien, jekk se nitlef tlift jien. Fejn jidħol sport b’tim, hemmhekk inti trid tistrieħ fuq nies oħra.  Jistgħu iweġġgħuk. Tista’ tonqoshom inti jew jonqsuk huma. Jien kont nilgħab il-futbol, il-basketball u anke l-volleyball. Dejjem imma għal gost. Meta nikkompeti nippreferi nkun waħdi. Ma nħobbx inpoġġi responsabbilità fuq ħaddieħor.”

Bla sagrifiċċji ma jistax ikun hemm suċċess

Nitkellmu magħha dwar is-sagrifiċċji li bħal kull sport ieħor wieħed irid jagħmel. “Bħala dieta jien nevita l-junk food. Dan l-isport għandu s-sagrifiċċji tiegħu għax hemm bżonn taħriġ iebes. Nispiċċa nitlef ix-xogħol meta jkollna l-kompetizzjonijiet. Naħdem fl-industrija tal-films u x-xogħol tiegħi jirrikjedi li nista’ nweġġa’. Għalhekk meta jkunu ġejjin il-kompetizzjonijiet nieqaf mix-xogħol. Dan iwassal biex jien nitlef esperjenzi ġodda fix-xogħol proprju tiegħi. Bħalissa hawn tlett films f’pajjiżna. Kollha staqsewni biex inkun parti imma l-attenzjoni tiegħi qiegħda kollha fuq il-kompetizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Tagħmel sagrifiċċji għax lil tal-familja ma tibdiex tarahom jew tarahom ferm inqas mis-soltu. Għandi n-nanna qiegħda tixjieħ, il-kuġini qed jikbru u tħoss in-nuqqas li ma tkunx qed tqatta’ ħin magħhom. Fid-dinja niġu weħidna u nitilqu waħidna u biex takkwista s-suċċess fl-isport trid tagħmel is-sagrifiċċji. Bla sagrifiċċji mhux se jkun hemm suċċess”.

Nixtiequ l-appoġġ tal-pubbliku Malti

Dwar l-appoġġ tal-pubbliku Malti għall-atleti Maltin, Peppijna tgħidilna li “nibda biex ngħid li jien nemmen li aħna bħala Maltin għandna t-talenti. Kemm f’dik li hi arti, kultura u anke fl-isport. Hemm il-passjoni. Bħala atleti inkunu nixtiequ l-appoġġ tal-pubbliku Malti. Bla dubju ta’ xejn li l-inkoraġġiment tagħhom, se jkun spinta oħra ‘l quddiem għalina”.

“Appoġġ mill-klabb ta’ Pembroke Athleta…….l-isports jgħallmek taħdem għal xi ħaġa”

Ma tistax titkellem fuq id-dixxiplini sportivi u ma ssemmix il-klabbs li magħhom ikunu reġistrati l-atleti. Peppijna hi parti mill-atleti li jiffurmaw Pembroke Athleta. Dan hu l-akbar klabb tal-atletika f’Malta, fejn fi kliem Peppijna stess, mill-klabb isibu appoġġ sostanzjali.

“Ituk l-appoġġ. Pembroke jipprovdulna skema li tinkludi assigurazzjoni medika. Sħubija għall-użu  tal-gym u anke skontijiet biex nixtru affarijiet li jkollna bżonn relatati mad-dixxiplina sportiva. Iż-żarbun li nipprattika bih forsi jservik bejn tlieta u erba’ xhur.  Il-fatt li jkollok skontijiet u għajnuna finanzjarja mill-klabb, tgħin ħafna. Dan apparti l-opportunitajiet ta’ parteċipazzjoni f’komptizzjonijiet internazzjonali,  l-appoġġ morali u li dejjem issibhom warajk.