Lokali

“Pajjiżna jeħtieġ stabbiltà u tama” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista għandu proposti li se jtejbu ħajjet il-poplu Malti u Għawdxi

“Pajjiżna jeħtieġ li jkollu stabbiltà u tama. Il-Partit Nazzjonalista, bil-proposti tiegħu, se jkun qed itejjeb ħajjet il-poplu Malti u Għawdxi.”

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li saritlu waqt il-programm Net Live, fejn tkellem dwar diversi temi li jolqtu l-poplu Malti filwaqt li saħaq illi l-Partit Nazzjonalista ser ikompli jaħdem sabiex itejjeb ħajjet iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin..

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jinsisti għal settur ta’ saħħa aħjar …sabiex is-servizz fl-isptarijiet ikun verament ta’ kwalita’, u mhux jintesa kif seħħ taħt il-Gvern ta’ Robert Abela.. Dan hekk kif huwa saħaq li minflok ma’ investa f’dan is-settur, Gvern immexxi minn Abela seraq lill-poplu Malti u Għawdxi ‘il fuq minn 400 miljun ewro għad-detriment tal-pazjent.

“Ħa nibqgħu iffukati fuq dak li aħna se nagħmlu fis-saħħa ta’ pajjiżna – investiment fl-infrastruttura, investiment fil-ħaddiema u investiment fil-pażjenti.”

Uħud mill-proposti tal-Partit Nazzjonalista fis-settur tas-saħħa jinkludu titjieb fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, aktar mediċini neċessarji b’xejn u appoġġ usa’ lill-anzjani fejn tidħol l-ispiża tal-mediċini li m’humiex fil-formolarju.

Bernard Grech insista li Partit Nazzjonalista mmexxi minnu se jkun qieghed jipprovdi Sptar ġdid għall-kura mentali u Sptar ġdid f’Għawdex. Dan apparti ċentri ġodda tas-saħħa li jassistu lil persuni ta’ età żgħira li jkollhom bżonn kura tas-saħħa mentali.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem ukoll dwar r-realtà tal-għoli tal-ħajja li qed taffettwa lil kulħadd mhux biss lil dawk li għandhom dħul baxx.

Iżda quddiem dan kollu il-Kap tal-PN sostna li Robert Abela m’għandux interess jindirizza din il-pjaga li aktar kemm jgħaddu ġranet aktar qed tgħolli rasha…

Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni riċerkata li verament tista’ tbiddel lil dan il-pajjiż u jimxi ‘l quddiem.

Bernard Grech tkellem fuq iż-żieda tal-COLA u insista li din m’għandhix tkun taxxabbli. Apparti dan, il-Gvern għandu d-dmir li jagħti inċentivi fiskali biex jikkumbatti għaż-żidiet tal-għoli tal-ħajja.

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-ambjent fejn qal li huwa fatt magħruf li l-Gvern Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela f’dawn l-aħħar tħalla f’ġenb  …. u t-tkabbir ekonomiku sar a skapitu tal-ambjent ta’ madwarna.

Għal kuntlarju, Bernard Grech insista li l-ambjent se jibqa’ prijorità assoluta fil-viżjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista għal Malta u Għawdex.