Internazzjonali

Stati Uniti: DeSantis ‘aktar minn Trump’ jista’ ikun l-għażla tar-Repubblikani għall-futur

Il-Gvernatur ta’ Florida Ron DeSantis għadu kemm ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni Presidenzjali tal-Istati Uniti fuq it-tikketta tal-Partit Repubblikan.

Dan ifisser li DeSantis qed iżomm mal-pronostiku tal-aħħar xhur fis-sens li hu qed jikkonferma ruħu bħala ‘l-isfidant numru wieħed’ għall-eks-President Amerikan Donald Trump — il-favorit nett li jikkuntesta għall-White House mill-ġdid għan-nom tar-Repubblikani.

Intant, DeSantis ippreżenta uffiċjalment il-kandidatura tiegħu wara xandira flimkien mal-imprenditur famuż Elon Musk, li hu wkoll Kap Eżekuttiv ta’ Twitter.

Il-kandidatura ta’ DeSantis għandha tfisser anki għażla importanti għall-votanti Repubblikani, li jridu jippreżentaw ‘l-aqwa kalibru ta’ kandidat’ biex jisfida lid-Demokratiku Joe Biden – il-President Amerikan attwali – għat-tmexxija tal-Istati Uniti.

Ron DeSantis kien fost l-akbar alleati ta’ Donald Trump fiż-żmien meta Trump kien rebaħ il-White House għall-ispejjeż ta’ Hillary Clinton – li kienet sfidatu bħala l-kandidat tal-Partit Demokratiku fl-elezzjoni tal-2016.

Sadanittant,  il-Gvernatur ta’ Florida għad għandu 44 sena – età relattivament żgħira għal politiku – u għaldaqstant kapaċi jirrifletti l-futur tal-Partit Repubblikan aktar minn Donald Trump. Dan ukoll meta numru sinifikanti ta’ Repubblikani huma xettiċi dwar kemm l-għażla tal-eks President Amerikan għandha tkun għaqlija fi żmenijiet ta’ sfidi ġodda u diffiċli għall-Istati Uniti.