Sport Sport Ieħor

Taekwondo: Ħames midalji għall-Maltin fis-Serbja

Midalja tad-deheb, waħda tal-fidda u tlieta tal-bronż kien il-bilanc pożittiv miksub mit-Taekwondo lokali fis-7 Edizzjoni tal-Asteriks Cup li saret f’Nis, is-Serbja.

Fil-kompetizzjoni ħadu sehem 1,500 parteċipant minn 16-il pajjiż Ewropew minn 250 klabb. Il-kontinġenti Malti kien immexxi mill-kowċis Gianluca Barbara u Ditmir Vodinaj.

Fil-kategorija 41 kg, Brayden Micallef temm fit-tielet post fejn wara li għeleb lil Ivan Ivanov tal-Bulgarija, minkejja li temm 4-4 kontra Dragan Ziniac tas-Serbja, r-referee tat il-verdett lil Ziniac.

Mamadou Balde, li huwa membru tal-Fondazzjoni Umanitarja tat-Taekwondo, rebaħ il-bronż mill-konfront kontra Dimitrije Ajdukovic tas-Serbija.

Fergeson Galea fil-kategorija 50 kg, wara li għeleb lil Marceil Varga tal-Ungerija, weġġa u ma setax jilgħab il-finali biex ingħata t-tieni post.

Michela Scerri wara li għelbet 2-0 lil Poppy Kingsley tar-Renju Unit kisbet il-bronż mit-telfa kontra Katarina Petkovic.

Alycia Cassar tilfet 2-0 kontra Nielle Vrogh tal-Olanda filwaqt li s-suċċess ewlieni wasal minn Aldo Xhepa li rebaħ il-finali tiegħu kontra Spasiyan Sakiev tal-Bulgarija.

Robin Zammit, li jattendi l-iskola Nazzjonali tal-Isport tilef 2-0 kontra Pavle Cvetkovic tas-Serbija u bl-istess skor Jean Schembri tilef kontra Luka Rajkovic.

F’dan it-tournament ħadu sehem fil-kategorija taż-żgħar Emma Lautier, Dwayne Micallef u Ella Schembri.