Lokali

“Tħallejt ġimgħa sħiħa bil-polz miksur” – Jean Paul Azzopardi

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji

Jitkellem pazjent li tħalla ġimgħa sħiħa mhux operat fl-Isptar Mater Dei wara li ħmistax ilu kellu inċident bil-mutur u korra serjament

Jean Paul Azzopardi li joqgħod Bormla ħmistax ilu kellu inċident tat-traffiku meta sewwieq ta’ karozza daħal fuqu u tajru. Irriżulta li kien ġarrab ġrieħi serji u kellu jiddaħħal fl-Isptar Mater Dei għall-kura fejn instab li kellu ksur, brix u ġrieħi oħra… fosthom ukoll li kellu l-polz miksur.

Jean Paul Azzopardi qalilna li appena ddaħħal fit-Taqsima tal-Emerġenza, minħabba l-volum kbir ta’ xogħol li kien hemm tħalla fuq stretcher mis-1 p.m. sad-9 p.m. fejn kien muġugħ ħafna.

Wara li kienet assenjata lilu s-sala fejn kien se jitpoġġa – sala fit-Taqsima Safra – kien mgħarraf li kienet se  ssirlu operazzjoni fil-polz għaliex kien miksur u kien meħtieġ li jagħmlulu żewġ boldijiet.

Minħabba f’hekk għal numru sħiħ ta’ jiem – kważi għal ġimgħa sħiħa – kien jintalab biex joqgħod sajjem min-nofsillejl ’il quddiem sakemm isejħulu biex issirlu l-operazzjoni.

“Għaddiet l-ewwel ġurnata. Ma stajt niekol xejn u mbagħad f’xi l-4 p.m. qaluli li l-operazzjoni kienet tħassret u allura stajt niekol. Din l-istorja rrepetiet ruħha diversi jiem. Sadattant skoprejt li l-opeazzjoni ma setgħetx issirli għaliex kien hemm diversi każijiet oħrajn fejn pazjenti oħra kien jenħtieġilhom li ssirilhom xi operazzjoni.

“Iżda lili, għal darba, darbtejn, tlieta, erba’, ħamsa… dejjem ħallewni sajjem min-nofsillejl sa tard wara nofsinhar – xi drabi sal-5 p.m. – biex imbagħad jgħiduli li l-operazzjoni ma tistax issir u li stajt niekol,” qalilna Jean Paul Azzopardi.

Hu kompla li seta’ jinnota l-istaff verament mgħakkes bix-xogħol tant li anqas il-ġrieħi li kellu ma tnaddfulu mill-ewwel jew wara ftit tal-ħin bir-riżultat li l-feriti u l-ħmieġ li kien fihom tgħaqqdu u bdiet ħierġa l-materja minnhom.

Filwaqt li kkritika l-ikel mogħti lill-pazjenti u qal li dan hu ta’ kwalità mhux xierqa għall-pazjenti, Jean Paul Azzopardi fisser li meta tnaddfulu l-feriti – wara numru ta’ ġranet – tnaħħewlu anki biċċiet tal-ħġieġ u żrar li kien daħħal f’partijiet differenti tal-ġisem tiegħu, fosthom minn dirgħajh u f’saqajh!

Hu qal li llum wara li għadda minn din l-esperjenza kerha  jifhem aktar mhux biss kemm l-istaff fl-Isptar Mater Dei hu magħkus u mgħobbi f’volum kbir ta’ xogħol, iżda wkoll kemm il-pazjent qed jisfa’ vittma ta’ din il-politika żbaljata tal-Gvern li flok jinvesti fil-qasam tas-Saħħa għażel li jagħti miljuni kbar lill-barranin li spiċċaw iffrodaw lill-poplu Malti u Għawdxi.