Lokali

Trasferiment tal-festa titulari tal-Lunzjata f’Ħal Tarxien

Wara t-temp xejn favorevoli li għaddejna minnu l-ġimgħa l-oħra, bil-konsegwenza li kellha titħassar il-festa tal-Lunzjata f’Ħal Tarxien, it-Tarxiniżi ħasbu biex jiċċelebraw il-festa tagħhom matul din il-ġimgħa.

Hekk kif il-purċissjoni spiċċat ma toħroġx, il-Parroċċa ħasbet biex il-purċissjoni toħroġ nhar il-Ħadd filgħaxija, wara l-kant tat-Tieni Għasar u l-Konċelebrazzjoni tal-Festa.

Intant, l-erba’ għaqdiet li jorganizzaw il-festi esterni ħasbu wkoll li jħejju programm ċelebrattiv li jwassal sal-jum tal-festa l-Ħadd. Il-Ġimgħa, 26 ta’ Mejju, ser isir il-marċ imsejjaħ ‘tal-Anġlu’ mill-Banda Marija Annunzjata, li fi tmiemu tittella’ l-istatwa tal-anġlu tal-qerda tal-ereżija ta’ Nestorju, fuq il-kolonna quddiem il-Knisja. L-għada, is-Sibt 27 ta’ Mejju, l-istess Banda Marija Annunzjata ser tagħmel marċ u programm mużikali fuq il-planċier quddiem il-Knisja.
Imbagħad, il-Ħadd 28 ta’ Mejju filgħaxija ssir il-purċissjoni tant mistennija bil-vara titulari ta’ Marija Annunzjata, li toħroġ mill-Knisja fis-6.45pm u tkun akkumpanjata minn tliet baned mistiedna.

F’kummenti li ta l-President tal-Għaqda Mużikali Marija Annunzjata Victor Seguna, qal li t-Tarxiniżi mill-ewwel ikkonkorrew bi ħġarhom biex il-festa issir kif xieraq wara l-maltemp. Filfatt bosta taw id-donazzjoni tagħhom biex ikun jista’ jsir dan. Hu rringrazzja lil kull min ta ssehem tiegħu, kemm finanzjarjament u anke fl-organizazzjoni li kellha ssir fi ftit sigħat, biex setgħet titħejja festa kbira xorta waħda fuq erbat’ijiem.

Intant Ħal Tarxien matul dawn il-jiem ser jintrama bl-isbaħ armar mill-Kumitat tal-Festa Titulari u mill-Għaqda Kultura u Armar Marija Annunzjata, u l-Knisja Arċipretali ser tkun armata sa snienha bl-armar tal-festa, waqt li l-Għaqda tan-Nar San Gabriel ser taħraq nar talajru matul jum il-festa, l-Ħadd.