Anzjan ta’ 75 sena residenti ż-Żejtun weġġa’ gravi wara li ntlaqat minn karozza fiż-Żejtun stess.
L-inċident seħħ l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tat-8:00 fi Triq id-Daħla ta’ San Tumas.
Il-Pulizija marret fil-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-anzjan intlaqat minn karozza li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ 24 sena residenti l-Imtarfa.
Tim mediku mar fil-post sabiex jassisti filwaqt li ambulanza ħadet lill-anzjan l-isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa.
Aktar tard, huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.