Fi stqarrija l-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista qal li kull mewta tniżżel dwejjaq u rabja, iżda mewta ta’ żagħżugħa fl-aqwa ta’ ħajjitha ġġib magħha sens qawwi ta’ xokk u biża’.
Huma tefgħu dawl fuq kif it-toroq ta’ pajjiżna ħallew bosta vittmi fl-aħħar xhur.. fejn ġenituri, qraba u ħbieb qed jirċievu l-aħbar ta’ qsim il-qalb li xi ħadd għażiż għalihom tilef ħajtu jew weġġa’ gravi waqt li kien qed jivvjaġġa fit-toroq Maltin.
L-MŻPN qalu li ma jistax ikun li l-mewta ta’ Kacey Sciberras ma tittiħidx lezzjoni minnha. Saħqu li huwa ċar li t-toroq ta’ pajjiżna jeħtieġu aktar sigurtà, permezz ta’ aktar infurzar tal-liġijiet li mhux jibqgħu biss fuq il-karta imma jiddaħħlu fis-seħħ.
Apparti dan, jeħtieġ aktar investiment fil-korpi dixxiplinati ta’ pajjiżna, sabiex dawn ikunu jistgħu jħarsu t-toroq tagħna b’mod aktar effettiv. Jeħtieġ aktar investiment ukoll fil-ħolqien ta’ għarfien fl-iskejjel dwar il-konsegwenzi ta’ sewqan perikoluż fuq ix-xufier u fuq ħaddieħor.
L-MŻPN temmew l-istqarrija billi qalu li huwa biss b’dan il-mod li jista’ jkun aċċertat li t-toroq ta’ pajjiżna jsiru aktar siguri.
//= $special ?>