Internazzjonali

Eurovision: Bjorn u Benny jiċħdu kategorikament li Abba jistgħu jingħaqdu ‘imqar għal darba’

Bjorn Ulvaeus u Benny Andersson ta’ Abba ikkonfermaw li s-super-grupp Żvediż mhux se jerġa’ jingħaqad għal waqt il-Konkors tal-Kanzunetta tal-Eurovision tas-sena d-dieħla li sed jsir f’pajjiżhom. Is-sena d-dieħla taħbat il-50 anniversarju ta’ meta Abba (fl-1974) kienu rebħu l-Eurovision bil-kanzunetta Waterloo u l-ammiraturi tal-grupp, bla dubju, jinsabu diżappuntati bid-deċiżjoni tal-membri kollha tal-kumpless li dehret li ttieħdet b’mod unanimu.

Bjorn u Benny  anki ċaħdu li huma jistgħu jikkomponu l-kanzunetta li se tirrappreżenta lill-Iżvezja fil-Eurovision tal-2024. Mindu Abba, fl-1974, introduċew ruħhom bil-kbir b’Waterloo, l-Iżvezja rnexxielha tirbaħ il-Eurovision xejn anqas minn sitt darbiet oħra – bl-aħħar suċċess jinkiseb ftit jiem ilu mill-kantanta Loreen, permezz tal-power-ballad bl-isem ‘Tattoo’.

Madankollu, Bjorn Ulvaeus u Benny Andersson ħalfu li qatt mhuma se jimpenjaw ruħhom għal tour ieħor ta’ kunċerti waqt li għamluha ċara li ma jridux jingħaqdu mill-ġdid ma’ Agnetha Fältskog u Anni-Frid Lyngstad, in-nisa membri tal-grupp — lanqas għal lejl wieħed.

U Bjorn Ulvaeus deher mija-fil-mija konvint waqt li kien qed ikellem lill-programm Newsnight tal-BBC u fejn stqarr ċar u tond li ‘kulħadd jista’ jiċċelbera l-50 sena tal-Abba mingħajr ħtieġa li l-grupp jitla’ mill-ġdid fuq il-palk’