Lokali

Għalfejn? – Repubblika

L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg għandu jkollha d-deċenza terfa’ r-responsabbilità għall-kummiedja traġika fil-kawża dwar il-hold-up li sar fl-HSBC fl-2010 u tirriżenja. Jekk ma titlaqx minn jeddha, il-Parlament għandu jfittex l-interessi tal-ġustizzja u jneħħiha.

Repubblika tistqarr dan wara li l-bieraħ Darren Debono, li diġà ffranka perjodu twil ta’ ħabs bis-saħħa tal-Avukat Ġenerali, issa rrifjuta li jixhed anke il-ftit li kien qal li se jixhed.

Aħna nistqasu għalfejn f’dan il-każ l-Avukat Ġenerali ma mxietx bħalma kien sar meta l-Koħħu ried jixhed dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia? Għalfejn lil Darren Debono ma tteħditlux xhieda ġuramentata quddiem maġistrat qabel ma saru l-proċeduri biex iffranka snin twal ta’ ħabs kif sar fil-każ tal-Koħħu?

Ninsabu f’sitwazzjoni fejn:

  • il-ġustizzja f’pajjiżna qed tiġi mwaqqa’ għar-redikolu;
  • il-Pulizija li ffaċċjaw il-balal sparati fuqhom mill-kriminali qed ikunu insultati;
  • il-kriminali qed jeħilsuha ħafif.

Repubblika tistaqsi:

  • Min se jerfa’ r-responsabbilità għal dan id-diżastru?
  • Min qed igawdi minn dawn il-kummiedji?
  • Min qed ikun protett b’dan it-taħwid?