Lokali Qorti

Ġurin jew jaqa’ l-każ fil-konfront tar-raġel akkużat bil-qtil tal-Baruni Sant Cassia

Nhar it-Tlieta 6 ta’ Ġunju għandu jiġi deċiż jekk il-każ ta’ Carmelo Camilleri ta’ 69 sena mill-Mosta mixli bil-qtil tal-Baruni Sant Cassia fl-1988 hux se jkun qed jiffaċċa ġurin jew jaqa’ kollox kif qed titlob id-difiża, li qed titlob nolle prosequi jiġifieri li l-Avukat Ġenerali jiddeċiedi li ma jipproċedix bil-każ. Dak inhar l-Avukat Ġenerali għandu jirregolariżża ruħu u minn hemm għandha tittieħed deċiżjoni dwar il-każ.

F’digriet li tagħat l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera hija qalet li jekk isir il-ġurin u l-ġurija tiddeċiedi li Carmelo Camilleri mhux f’qagħda ta’ saħħa fiżika u mentali biex jgħaddi ġuri, dan jintbagħat l-isptar Monte Carmeli. l-Imħallef qalet li minn dak li semgħet reċentement minn rapport tal-psikjatri, Camilleri jbati minn diversi problemi kemm fiżiċi u anke mentali. Fosthom ibati bid-dimensja u li fl-aħħar ħames snn il-kundizzjoni tiegħu marret għall-agħar.

“Għandu problema biex jiekol u jinħasel waħdu u biex jieħu ħsieb tiegħu nniffsu. Il-psikjatra Joe Cassar fir-rapport tiegħu qal li l-akkużat mhux f’qagħda li jgħaddi ġuri u li għandu jagħmel tliet xhur l-isptar Monte Carmeli u jkun segwit mill-Psikjatra Anton Grech, li minn naħa tiegħu fir-rapport li għamel qal li Camilleri għandu sintomi ta’ telf ta’ memorja u li mhux ta’ waħdu u li għandu jkun rikoverat f’San Vinċenz jew f’xi faċilità oħra biex jieħdu ħsiebu”, qalet il-Qorti.

Il-ġuri fil-konfront ta’ Camilleri kellu jibda t-Tnejn, 24 ta’ April li għadda, iżda dan baqa’ ma bediex minħabba li kellu jiġi preżentat rapport, kif fil-fatt ġara u li dawn xehedu wkoll dwar il-qagħda tal-akkużat. Camilleri qed jiġi mixli li għal somma flus kien qatel lill-Baruni Sant Cassia, li kellu 68 sena, quddiem ir-residenza tiegħu, Castello Zammitello fl-Imġarr, f’omiċidju deskritt bħala wieħed ippjanat. Il-qtil kien seħħ 34 sena ilu, eżattament fis-27 ta’ Ottubru 1988.

F’Jannar li għadda d-difiża mmexxija mill-Avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta kienet ippreżentat rikors dwar l-istat ħażin ħafna tas-saħħa mentali tal-akkużat li ma jistax jikkomunika iktar ma’ ta’ madwaru u lanqas mal-avukati tiegħu u għalhekk intalbet perizja psikjatrika.

Wara l-għoti tad-digriet, l-avukati difensuri Jason Azzopardi u Chris Busietta spjegaw li għat-tieni darba li l-unika prova kontra Carmel Camilleri hija xhieda ta’ xhud li fil-kumpilazzjoni ġie dikjarat xhud ostili mill-Maġistrat sedenti, liema xhud kien xhud tal-prosekuzzjoni u li ilu mejjet is-snin.

Ħareġ ukoll li Carmel Camilleri ġie iddikjarat illi l-kundizzjoni ta’ saħħa mentali tiegħu hija tali li ma jistax jikkomunika mal-avukati tiegħu. L-Avukati difensuri semmew ukoll t-trapass taż-żmien fejn qalu wkoll din il-Qorti kif preseduta mill-Imħallef Scerri Herrera ma għandha assolutament ebda farka ta’ tort jew responsabbilita għall-fatt li l-akkużat ilu 18-il sena jistenna li jnaddaf ismu.

Id-difiża qalet li dan qed iwassal li saħħet Camilleri sejra dejjem lura b’impatt fuq id-dritt fondamentali tiegħu u tal-familja tiegħu taħt l-artiklu 8 tal-konvenzjoni Ewropea tad-Drittijie ttal-Bniedem. L-Avukat Azzopardi qal ukoll li d-difiża fi Frar li għadda ppreżentat protest ġudizzjarju kontra l-AĠ li baqa’ ma weġbitx.

Qal li d-difiża tissoleċita għax sa hemm tista tasal sa dan l-istadju li l-AĠ toħroġ nolle prosequi għax dan il-każ li huwa text book case fil-konfront ta’ persuna nnoċenti li kontrih fil-proċess ma hemm ebnda prova. L-Avukat Azzopardi qal li l-protest kien jgħid ukoll li l-Avukat Ġenerali f’inqas minn sitt xhur minn meta irċeviet l-atti mill-Maġistrat Inkwirenti, u wara Inkjesta Maġisterjali, applikat l-artiklu 569(6) tal-Kodiċi Kriminali u ħarġet nolle prosequi (li ma tixtieqx tipproċedi) fil-konfront ta’ Mehmet Tasli u Antoniella Gauci fis-sajf tal-2022.

L-avukat Kdevin Valletta mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li fejn jidħol l-argument ta’ trapass ta’ żmien, fakkar li l-akkużi kienu ħarġu fl-2008 kif ukoll li se jirregolaw ruħhom sas-6 ta’ Ġunju li ġej. Huwa wkoll li dak li qed jgħid l-Avukat Jason Azzopardi fuq il-każ ta’ Pilatus, m’għandu x’jaqsam xejn mal-każ tal-Baruni Sant Cassia.