Internazzjonali Lokali

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tindirizza l-Parlament Awstrijak

“L-Unjoni Ewropea hi b’saħħitha għax bħala popli Ewropej kapaċi nkunu magħqudin, minkejja li aħna differenti.” Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola waqt diskors li għamlet fil-Parlament tal-Awstrija. Hija kienet it-tielet dinjitarju li mhix mill-Awstrija li ġiet mistiedna biex tindirizza l-ogħla istituzzjoni fl-istat membru Ewropew.

F’dan il-jum meqjus bħala storiku għall-Awstrija minħabba li kienet l-ewwel President ta’ istituzzjoni Ewropea li indirizzat il-Parlament Awstrijak, il-President Metsola tkellmet dwar l-importanza li l-Ewropa tiġġedded.

Hija irreferiet għar-rinovar li sar fil-Parlament Awstrijak li fi kliema sar aktar trasparenti, sostenibbli, u aċċessibli. Kompliet li dan jissimboliżża dak li għandha taħdem għalih l-Unjoni Ewropea.

Il-President Metsola qalet li bħalissa ninsabu f’sitwazzjoni fejn id-dinja qed tesperjenza diversi kriżijiet f’daqqa, b’referenza għall-pandemija, t-tibdil fil-klima u l-invażjoni illegali li qed twettaq ir-Russja fuq l-Ukrajna. Qalet li dan l-attakk fuq stat sovran wassal biex in-nies qed iħossu ż-żieda fil-prezzijiet. L-MEP Maltija qalet li dak li se jiġri fl-Ukrajna se jiddetermina il-futur ta’ din il-ġenerazzjoni, u sostniet li r-rispons kollettiv tal-popli Ewropew hu dak li se jiddefenixxi lil din il-ġenerazzjoni ibbażata fuq valuri sodi.

Il-President Metsola qalet li jeħtieġ ikun hemm tkabbir sostenibbli, fejn it-tkabbir ekonomiku li jgawdi minnu kulħadd. Tenniet li l-Unjoni Ewropea mhix perfetta, iżda fl-aħħar mill-aħħar, tħalli l-frott meħtieġ.