Lokali Qorti

Melvin Theuma ma jixhidx dwar il-job fantażma biex ma jinkriminax lilu nniffsu

Melvin Theuma, l-middleman li ngħata l-proklama u li kellu x’jaqsam mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ma rrisponda għal ebda domanda biex ma jinkriminax ruħu fil-kawża fejn ħamest irġiel qed jiffaċċjaw akkużi fuq ix-xogħol fantażma li kien ngħata l-istess Melvin Theuma f’Kastilja.

Huwa għamel dan biex ma jinkriminax ruħu, anke wara li l-Maġistrat Monica Vella nfurmatu li kull ma jgħid jista’ jinġieb bħala prova kontrih u anke favurih. Fil-fatt hekk kif Theuma daħal fl-awla l-Avukat tiegħu Kathleen Grima nfurmat lill-Qorti li l-klijent tagħha ma kienx se jixhed.

Melvin Theuma kien ingħata job fantażma f’kumpanija tal-gvern xhur qabel il-qtil tal-ġurnalista, liema mpieg hu kien qal li ma riedx u li kien jirċievi l-paga mingħajr ma jmur għax-xogħol. L-akkużati huma Keith Schembri, eks chief of staff f’Kastilja, in-negozjant Yorgen Fenech, li qed jistenna ġuri għall-kompliċità fil-qtil, Sandro Craus, l-eks kap tal-customer care fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru; Anthony Mario Ellul, l-eks segretarju privat tal-ministeru tal-familja u Anthony Muscat, l-eks CEO ta’ kumpanija tal-gvern.

Minkejja li ma riedx jixhed il-Qorti talbet lid-difiża li xorta tistaqsi d-domandi, mbagħad sta għal Theuma x jwieġeb. Saru ħemel ta’ domandi lil Theuma bħal jekk jafx lill-akkużati, jekk gidibx lill-Maġistrat inkwerenti, jekk kienx irċieva xi flus, jekk qattx tkellem mal-akkużati wiċċ imb wiċċ jew bit-telefon u ħafna u ħafna domandi oħra – bir-risposta dejjem tkun “nagħżel li ma nweġibx.”

Sadanittant wara ħafna battibekki bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni kien hemm qbil biex ix-xhieda ta’ Melvin Theuma tiġi njorata. Id-difiża għall-ewwel talbet biex din ix-xhieda tiġi sfilzata, jiġifieri imneħħija mill-atti, madankollu l-Ispettur Nicholas Vella qal li hu ma jaqbilx li din titneħħa iżda tiġi njorata. U hawn kien hemm qbil u sar verbal konġunt f’dan is-sens.

Kien l-Avukat Edward Gatt, l-avukat ta’ Keith Schembri li filgħodu talab lill-qorti tordna lill-prosekuzzjoni biex tsejjaħ lil Theuma illum stess, filwaqt li fakkar li kien irrifjuta li jixhed f’seduta preċedenti, minħabba l-biża’ li jinkrimina ruħu. Biex ikun żgurat li ssir ġustizzja ma’ kulħadd, kien meħtieġ li l-pożizzjoni ta’ Theuma trid tiġi determinata darba għal dejjem, qal l-Avukat.

L-Ispettur Nicholas Vella ġie mistoqsi mill-avukat Stefano Filletti dwar x’tindika eżatt il-proklama mogħtija lil Theuma mill-maħfra li ngħatatlu biex jikxef dwar il-ftehim tal-qtil ta’ Caruana Gallizia. Il-prosekutur qal li ma tressqu l-ebda akkużi kontra Theuma għall-ħlasijiet mhux ġustifikati mill-impjieg u l-ħasil sussegwenti tal-fondi, għax kien kopert bil-maħfra.

L-avukati tad-difiża argumentaw li l-maħfra ma koprietx lil Theuma fir-rigward tax-xogħol fantażma. Inħarġu akkużi kontra l-persuni li allegatament tawh ix-xogħol fantażma u ħallsuh iżda mhux kontrih, minkejja li aċċetta l-ħlasijiet mhux ġustifikati, huma qalu.

Mistoqsi jekk qattx ra l-verżjoni oriġinali fl-intier tagħha tal-maħfra, Vella wieġeb li kien ra kopja. Huwa kien ra siltiet minnha jew kultant inqrawlu partijiet, huwa spjega. Kien intalab parir mill-uffiċċju tal-AĠ, qal Vella. Il-Qorti laqgħet it-talba tad-difiża biex illum waranofsinhar Theuma jerġa’ titressaq quddiemha.

Aktar qabel l-Avukat Filletti għamel diversi domandi lill-Ispettur Vella waqt il-kontro-eżami, u staqsih jekk ġewx ippreżentati xi akkużi li jinvolvu ħlas mhux dovut kontra Theuma. “Il-pulizija investigat u talbet inkjesta maġisterjali, li saret. S’issa la l-pulizija u lanqas il-maġistrat inkwerenti ma ħassew il-bżonn li joħorġu akkużi,” wieġeb ix-xhud, li m’għadux jifforma parti mill-iskwadra tal-frodi u l-ħasil tal-flus, u issa qed jaħdem fit-taqsima tat-traffiku.

“Għalhekk l-investigazzjoni tiegħek ikkonkludiet li Theuma kien irċieva flus li ma kellux ikollu u int ipproċessejt lill-persuna li ħallsitha. Ma tqisx lil Theuma bħala kompliċi fl-istess reat?” staqsa l-avukat. “Sal-lum. Le.” “X’inhi d-differenza bejn l-akkużati u Theuma?” staqsa Filletti.

“Il-maħfra,” spjega l-ispettur. “Int tal-fehma li Theuma kellu jitressaq il-Qorti, imma ma tressaqx minħabba l-maħfra jew li m’għandu jiġi akkużat xejn?” “Minħabba l-maħfra,” tenna l-Ispettur Vella, u kompla jikkonferma li kieku l-maħfra ma nħarġetx, Theuma kien jiġi akkużat.

Dr. FIlletti mbagħad issuġġerixxa li l-maħfra ma tipproteġix lil Theuma mill-prosekuzzjoni għal dan ir-reat. Iżda l-ispettur ma qabilx. “Din mhix l-interpretazzjoni tiegħi.” Il-maġistrat interrompiet, u rrimarkat li “ma kinitx kwistjoni ta’ interpretazzjoni imma ta’ dak li hemm miktub fil-maħfra, li kien għadu ma ġiex esebit fl-atti.”

“Il-parir li ngħatajna kien li kien ikopri lil Theuma f’dan il-każ ukoll,” ċċara l-ispettur, fejn semma’ lill-prosekuturi Francesco Refalo u Andrea Zammit mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali bħala li avżawh li l-maħfra ta’ Theuma kienet tkopri wkoll dawn il-proċeduri.

“L-AĠ avżak li hu kopert u Theuma jibqa’ jgħid li qed jirriskja li jiġi inkriminat,” “Hemm xi ħaġa ħażina, hux?” issuġġerixxa l-avukat, u staqsa jekk l-AĠ kienx ta xi struzzjonijiet oħra lill-pulizija wara r-rifjut ta’ Theuma. Ma kienx hemm, wieġeb ix-xhud.

L-Avukat Stefano Filletti assista lill-akkużat Anthony Muscat. Vince Micallef u Jacob Portelli assistew lil Ellul. Michael u Lucio Sciriha assistew lil Craus. Edward Gatt u Mark Vassallo assistew lil Schembri. Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca assistew lil Fenech. Il-każ se jkompli fit-12 ta’ Lulju fin-12.30pm.