Bricks neqsin, ħofor perikolużi, nuqqas ta’ aċċessibilità u sigurtà ta’ xejn.
Din hija s-sitwazzjoni preżenti fil-pjazza tal-Birgu hekk kif ix-xogħol ilu wieqaf kompletament għal ġimgħat sħaħ – xogħol li kien beda minn Frar illi għadda.
Filmati miġbuda minn Net News juru l-periklu li hemm bħalissa hekk kif f’ċertu żoni parti mill-bankina tinsab maqlugħa b’ħafna ġebel mal-art kif ukoll bricks imtajjrin b’żoni li mhumiex siguri għar-residenti.
Ir-residenti jinsabu ferm urtati b’din is-sitwazzjoni għaliex ix-xogħol fil-pjazza waqaf u bdew xogħolijiet f’toroq sekondarji fl-istess lokalità.
Għalkemm diversi persuni qalulna illi x-xogħol fit-toroq huwa neċessarju, ma jistgħux jifmhu għalfejn ix-xogħolijiet qed isiru fuq diversi toroq fl-istess ħin ghad-detriment tal-fatt li ċertu xogħolijiet jieqfu għal diversi ġimgħat.
Barra minn hekk, il-Kunsill Lokali tal-Birgu għadda diversi ilmenti ma’ Infrastructure Malta għaliex il-bankini u l-entraturi tal-ħwienet mhumiex siguri. U s’issa diġa’ weġġgħu xi nies minħabba dan il-periklu hemm.
Il-periklu li hemm fl-entraturi tal-ħwienet qed joħloq ukoll telf ta’ negozju minħabba n-nuqqas ta’ aċċessibilità li hemm bħalissa. Iżda s’issa minkejja l-ilmenti kollha li saru għadha ma tittieħed l-ebda azzjoni u kollox baqa’ kif inhu f’din il-pjazza li ta’ kuljum tiġi frekwentata wkoll minn numru kbir ta’ turisti.
//= $special ?>