Lokali Qorti

Kuntrattur mhux ħati li naqas li jħares is-saħħa u s-sigurtà ta’ l-impjegati

Kuntrattur ta’ 36 sena minn tas-Sliema, residenti l-Gżira ġie lliberat għat-tieni darba meta l-Qorti tal-Appell Kriminali ma sabitux ħati li f’Novembru tal-2017 naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà ta’ l-impjegati, kif ukoll tal-persuni kollha li jistgħu jiġu affetwati bix-xogħol, li jkun qed isir.

Hu kien ġie lliberat mill-Qorti tal-Maġistrat iżda l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza. Uffiċjali tas-Saħħa u Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol kienu marru jagħmlu spezzjoni f’sit ta’ ċertu daqs fin-Naxxar. Mill-provi rriżulta li Mark Anthony Ebejer kien responsabbli biss ta’ sit wieħed u mhux tal-binja kollha.

Ebejer ma nstabx ħati li naqas milli jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex jiġi evitat dannu fiżiku, korriment jew saħansitra mewt fuq il-post tax-xogħol billi naqas milli jieħu l-miżuri neċessarji sabiex waqgħat mill-għoli jkunu fiżikament evitati, partikolarment permezz ta’ bennieni solidi li jkunu għoljin biżżejjed u jkollhom ta’ l-anqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju jew alternattiva ekwivalenti.

Ebejer xehed fil-Qorti li s-sit inkwistjoni fi Triq Jules Verne kantuniera ma’ Triq ir-Raheb Kurradu u kantuniera ma’ Triq
il-Ġdida, kien jikkonsisti f’10 vilel u li hu kien ħa l-kuntratt ta’ waħda minnhom biss. Qal li x’ħin mar is-‘safety officer’ kienu ġo villa numru erba’ li kienet mibnija u lesta u li kienu qed jieħdu break fid-dell.

Tenna li t-taraġ kien fin-numru erba’ li hu ma ħadimx fiha għax hu kien qed jaħdem fin-numru ħamsa.  Qal ukoll li l-villa li kien inkarigat minnha hu kienet għadha fil-basement. Il-Qorti qalet li nnotat li ġew ippreżentati diversi ritratti tal-post liema ritratti juru nuqqasijiet serji. Ebejer dejjem qal li hu kien responsabbli ta’ villa waħda biss u mhux ta’ dik fejn hu u l-ħaddiema tiegħu kienu waqfu biex jieħdu break fid-dell. Skont il-provi l-uniku impjegat kien Ebejer, deskritt bħala sub-contractor.

Fuq il-permess ma kienx hemm imniżżel l-isem tal-kuntrattur

Meta kien mistoqsi jekk l-appellant kienx responsabbli għal vilel kollha, Joseph Cremona rappreżentant tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, dan xehed li fuq it-tabelli ma kienx hemm imniżżel l-isem tal-kuntrattur. Għad-domanda tal-Ewwel Qorti: “Jiġifieri s-sinjur kien responsabbli għal kollha kemm huma?” , Cremona wieġeb: “Le ma kienx hemm imniżżel xejn.

“Kull ma kien hemm jiġifieri li niftakar PA number, ħafna mis-sinjali li jkun hemm jiffejdaw bix-xemx  u ma jkun hemm ebda tip ta’ informazzjoni. Jiena sibt lis-sur Ebejer fuq il-post,”  qal ix-xhud. Joseph Cremona  xehed li kien mar fuq il-post indikat fejn sab in-nuqqasijiet kif jidhru fir-ritratti.

Tenna li ma kienx hemm ‘railings’ u dana meta fuq sit ta’ kostruzzjoni għandu jkun hemm ‘safety’ biex il-ħaddiema ma jweġġgħux. Jgħid li r-ritratti jispjegaw kollox. Qal li kien hemm tliet ħaddiema li ndikaw lil Ebejer bħala dak li jħaddimhom u li wieħed mill-ħaddiema niżel minn taraġ espost għal waqgħat mill-għoli.

Cremona sostna li ma kien hemm l-ebda forma ta’ railing, jiġifieri ilqugħ temporanju protettiv, u li n-nuqqasijiet kienu kollha marbuta ma’ waqgħat mill-għoli. Mir-ritratti jirriżulta li hemm ħafna ‘railings’ neqsin u jgħid li kien hemm toqob fl-art bla protezzjoni u gallariji miftuħin.

Ix-xhud saħaq li l-Avviż Legali jobbliga kemm lill-klijent u kif ukoll lill-employer illi s-sit trid tkun safe billi jittieħdu dawk il-miżuri kollha biex jiġi evitat il-periklu. Jgħid li t-toqob lanqas kellhom injam biex jindika lil dak li jkun li hemm ħofra. Jispjega li s-sit kienet indikata b’PA wieħed b’xi seba’ vilel u li Ebejer kien qed jaħdem fin-nofs fejn kien qiegħed fil-komun ta’ bejn il-vilel kollha.

Qal t-toqob kienu kważi ħdejn l-appellant u li hu kien responsabbli mis-sit. Mill-provi jirriżulta li Ebejer kien tassew fuq il-post meta mar l-uffiċjal u li dan l-uffiċjal ra b’għajnejh “wieħed mill-ħaddiema niżel minn taraġ espost għal waqgħat mill-għoli.”.

L-Imħallef Neville Camilleri qal li l-Qorti jibqgħalha ftit tad-dubju jekk Ebejer kienx responsabbli wkoll għal aktar minn binja waħda u li l-post fejn kienu l-ħaddiema kienx personalment responsabbli għalih hu. Għal din ir-raġuni fuq nuqqas ta’ provi – l-appell mressaq mill-Avukat Ġenerali ġie miċħud. Għal Ebejer deher l-Avukat David Gatt.