Internazzjonali

L-Ukrajna: Il-ġellieda tal-Wagner qed joħorġu minn Bakhmut…’iżda kapaċi jirritornaw’

Il-merċenarji tal-grupp Wagner – magħruf ukoll bħala l-Armata privata tal-President Russu Vladimir Putin – ikkonfermaw li qegħdin jirtiraw mill-belt Ukrena ta’ Bakhmut li fl-aħħar xhur serviet bħala l-akbar front tal-gwerra fiż-żmien kollu li t-truppi tar-Russja ilhom jokkupaw l-artijiet tal-Ukrajna.

Min-naħa tiegħu, Yevgeny Prigozhin, il-Kap ta’ Wagner u alleat ewlieni ta’ Putin sostna li ‘kollox miexi skont il-pjan’ biex il-kontroll ta’ Bakhmut jgħaddi lura lill-militar regolari tar-Russja sal-Ewwel ta’ Ġunju.  Dan wara li l-merċenarji ta’ Wagner kienu l-aktar ġellieda prominenti matul il-battalji kontinwi għal din il-belt – u bil-Gvern Ukren għadu jinsisti li t-truppi tiegħu qegħdin jirreżistuhom minn xi zoni ta’ Bakhmut.

Fl-istess ħin – u f’kumment meqjus bħala botta lill-ogħla kmandanti tal-Armata Russa – Prigozhin qal li l-merċenarji ta’ Wagner jinsabu lesti biex jikkonsolidaw il-pożizzjonijiet tar-Russi f’Bakhmut jekk kemm-il darba l-militar tal-Kremlin ma jikkontrollx is-sitwazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Prigozhin kemm il-darba rriserva kritika ħarxa għall-Ġenerali ewlenin tal-Armata Russa li akkużhom pubblikament talli ‘ma provdewx appoġġ xieraq lill-ġellieda ta’ Wagner’ waqt il-ġlied fiz-zoni ta’ Bakhmut.

Il-grupp Wagner kellu jħallas prezz terribbli f’ħajja mitlufa waqt il-ġlied għal Bakhmut, b’Yevgeny Prigozhin isostni li fl-aħħar xhur inqatlu aktar minn 20,000 fost il-merċenarji tiegħu.

Sadanittant, ir-Russja qed toħroġ l-istqarrijiet trijonfali dwar suċċess militari simboliku biex tqawwi l-moral tal-ġellieda tagħha li ilhom ix-xhur isofru d-disfatti fl-Ukrajna u li fil-preżent qegħdin iħejju għal kontro-offensiva kbira mill-qawwiet Ukreni.