GSSE Malta 2023 Sport

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar: Malta u Ċipru bl-akbar kontinġent

Charles Camenzuli

Madwar 899 atleta minn disa’ pajjiżi mistennija jikkompetu fid-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa – Malta2023. Dan minbarra numru approssimattiv ta’ uffiċjali li jista’ jlaħħaq l-473 li iżda jvarja minn dettalji fis-siti uffiċjali tal-kumitati Olimpici rispettivi.

Malta se tkun rappreżentata minn 214 atleta u 122 uffiċjal filwaqt li Ċipru se jkollha 188 atleta u 69 uffiċjal. Lussemburgu għandu jkollhom 130 atleta u 87 uffiċjal minkejja li s-sit tal-COSL jindika 41 uffiċjal. Monaco se jkollhom 98 atleta u 38 uffiċjal filwaqt li l-Iżlanda se jkollha 73 atleta u 30 uffiċjal. Andorra, f’Malta se jkollhom 66 atleta u 32 uffiċjal filwaqt li l-Montenegro, li ilhom biss fil-Logħob mill-2009 se jkollhom 60 atleta u 30 uffiċjal.

L-iżgħar kontinġenti huma ta’ San Marino b’51 atleta u 42 uffiċjal filwaqt li Liechtenstein se jkollhom biss 19-il atleta u 8 uffiċjali minkejja li f’certi drabi ingħad li se jkollhom 23 uffiċjal.

Diskrepanza fin-numru ta’ uffiċjali hija għaliex bosta drabi jkunu indikati biss kowċis, iżda eventwalment fil-kontingent rispettiv ikun hemm membri uffiċjali tal-Kumitati Olimpiċi, membri tas-settur tekniku tal-federazzjonijiet kif ukoll tobba, fiżjoterapisti u uffiċjali oħra mistiedna.