Lokali Qorti

Multa ta’ €5,000 talli ħalla kelb fuq il-bejt għas-sħana

Raġel spiċċa immultat €5,000 u miżmum milli jżomm annimali għal ħames snin mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li nstab ħati li ħalla kelb tar-razza Husky fuq il-bejt fis-sħana bla ikel u ilma. Joseph Mifsud instab ħati li fl-1 ta’ Mejju 2017, u qabel, f’Tas-Sliema ġiegħel annimal isofri, ma trattahx b’mod xieraq, ma ħax ħsieb saħħtu u żammu mingħajr liċenzja.

L-Ispettur Jonathan Ransley, li ressaq lil Mifsud qal lill-Qorti li fit-30 ta’ April 2017 flimkien mas-surġent għamlu spezzjoni f’dar f’Tas-Sliema wara li l-Pulizija rċeviet rapport li kien hemm kelb abbandunat. Marru fuq il-post iżda ma fetħilhom ħadd.

Qalu li minn fuq bejt ta’ dar tal-faċċata raw kelb tar-razza Husky bla ikel u ilma fuq il-bejt li kien mimli ħmieġ. Huma ċemplu lill-Animal Welfare li l-għada marru fuq il-post, sgassaw il-bieb u ħadu lill-kelb magħhom biex jiġi kkurat. Il-Pulizija sabu li kien Mifsud li qed jieħu ħsieb il-propjetà.

Huma nterrogawh fejn qalilhom li l-kelb kien ingħata lilu minn xi ħbieb u poġġieh b’mod temporanju fid-dar sakemm ilesti post fil-Ħamrun. Is-Surġent Brian Mifsud qal lill-Qorti li huma sabu lill-kelb f’kundizzjoni ħażin a ferm fejn fuq il-bejt ma kienx hemm ilqugħ mix-xemx tant li lill-kelb sabuh imgeddes jistkenn taħt ‘outdoor unit’ tal-air conditioner bla ikel u ilma.

Wara li semgħet dawn il-provi l-qorti qalet li ma temminx li Mifsud żamm il-kelb f’Tas-Sliema sakemm ilesti l-post fil-Ħamrun għax dan tal-aħħar kien abbandunat u kellu katnazz bil-ġirien jgħidu li kien ilhom ma jarawh hemm. Il-Maġistrat iddeskriviet l-aġir tal-akkużat lejn il-kelb bħala “moħqrija b’att passiv” u qalet li ma kienx kapaċi jifhem id-doveri tiegħu.

Il-Qorti kellha kliem iebes għal Mifsud fejn qaltlu li l-annimali, b’mod partikolari l-klieb, mhux biżżejjed li wieħed iżommhom u ma jsawwathomx. “Li żżomm kelb imur aktar minn hekk, jiġifieri li tikkurah, tħobbu, titimgħu u tisqih u dak kollu li hu tajjeb għall-esiġenzi tiegħu.

Triq ukoll tagħtih il-kura neċessarja meta dan ikollu bżonn u li ma tħallihx sigħat twal waħdu, qalet il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit filwaqt li sabet lil Mifsud ħati tal-akkużi li ġiegħel lill-kelb isofri, li ma trattahx b’mod xieraq u li ma ħax ħsieb saħħtu u għalhekk immultatu l-€5,000 u li ma jistax irabbi annimali għall-perjodu ta’ ħames snin.