L-appell tagħna huwa sabiex titħenna l-burokrazija min-nofs biex ikunu salvati iktar ħajjiet. Dan kien l-appell li wassal is-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina meta l-Ħamis waranofsinhar fil-preżena tal-membri tal-Kunsill Lokali tal-istess lokalità indirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-post fejn sfortunatmanet tilfet ħajjitha Kacey Sciberras.
Stefan Cordina qal li l-Kunsill Lokali ilu żmien twil jagħmel pressjoni biex ikun hemm iktar siġurta fiż-żona tas-Central Link partikolament fi Triq Tumas Chetcuti. Huwa fakkar kif fit-8 ta’ Novembru tal-2021 kienu talbu sabiex jagħmlu laqgħa mal-Awtorità tat-Trasport.
Fis-16 ta’ Novembru tal-istess sena l-Kunsill ngħataw risposta li qed isiru numru ta’ ‘speed surveys’ f’din it-triq minn Transport Malta… bir-riżultat ta’ dan is-survey ħareġ fis-17 ta’ Marzu tas-sena 2022 u mal-ewwel xegħel bozza fuq dak li kien ilu jisħaq fuqu l-Kunsill Lokali… li matul il-bypass kollha jkun hemm bosta vetturi li jsuqu b’mod eċċessiv… bl-ispeed massimu fiż-żewġ karreġjati jlaħħaq il-157km/h u 142 km/h.
Stefan Cordina qal li mal-konklużjonijet ta’ dan is-survey stennew li tittieħed azzjoni immedjata u jsir xi ħaġa sabiex jitnaqqsu l-inċidenti u jkun hemm iktar miżuri ta’ sigurtà f’din it-triq. Wara saret laqgħa mal-Awtorità tat-Trasport fejn talbu biex fost l-oħrajn jitwaħlu speed cameras. Iżda minn dak iż-żmien sal-lum għadu ma sar xejn.
Is-Sindku żied jgħid li fit-23 ta’ Marzu li għadda kellhom risposta li kienu għadhom qed jistennew ir-‘road safety audit report’ fuq din it-triq.
Intant fi stqarrija, Transport Malta qalet li l-ispeed cameras mhumiex garanzija kontra fatalitajiet fit-toroq u tenfasizza l-importanza li kulħadd juri responsabbiltà fis-sewqan u jkunu osservati l-liġijiet.
Transport Malta qalet li fid-dawl ta’ inċident riċenti li seħħ f’din iż-żona, tafferma mill-ġdid l-impenn tagħha biex ittejjeb is-sigurtà fit-toroq u tħabbar l-implimentazzjoni ta’ miżuri komprensivi biex jittaffew ir-riskji u tissaħħaħ is-sigurtà ġenerali tan-netwerk tat-toroq.
Hija żiedet tgħid li fil-każ ta’ toroq ġodda fuq in-netwerk TEN-T, bħall-proġett tas-Central Link, Transport Malta taderixxi ma’ approċċ metodoloġiku distint. Skont il-liġi tal-UE, il-proġett tas-Central Link jgħaddi minn proċess estensiv ta’ Verifika tas-Sigurtà fit-Toroq (RSA) f’diversi stadji: Stadju 1 (disinn ta’ abbozz), Stadju 2 (disinn dettaljat), Stadju 3 (pre-ftuħ), u Stadju 4 (operazzjoni bikrija).
L-istqarrija tkompli tgħid li f’Marzu li għadda, it-tim tal-awditjar żar Malta u wettaq spezzjoni estensiva tas-sit tas-Central Link. Abbażi tal-osservazzjonijiet tas-sit u d-dejta tal-veloċità pprovduta minn Transport Malta, it-tim tal-RSA se jirrakkomanda miżuri ta’ rimedju u interventi xierqa biex jindirizza b’mod ħolistiku t-tħassib dwar is-sikurezza. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu soluzzjonijiet ta’ inġinerija, traffic calming techniques, jew rakkomandazzjonijiet għal miżuri ta’ kontroll tal-veloċità, li tista’ tinkludi l-introduzzjoni ta’ kameras tal-veloċità medji, suġġett li dwaru saru diskussjonijiet tekniċi u legali ma’ speċjalisti fil-qasam matul ix-xhur li għaddew.
Aar kmieni dalgħodu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta Jonathan Borg kellu laqgħa mas-Sindku ta’ Ħ’Attard Stefan Cordina, fejn tkellmu rigward it-traffiku li jgħaddi mil-lokalità u t-talba tal-Kunsill għal aktar speed cameras u infurzar fit-toroq f’Ħ’Attard. Il-Kap Eżekuttiv irrimarka li filwaqt li jifhem u jaqbel mal-ħtieġa ta’ aktar koordinament bejn l-Awtorità u l-Kunsill Lokali f’dan il-qasam, Transport Malta hija biss waħda mill-Awtoritajiet involuti fl-installazzjoni ta’ dawn il-kameras.
//= $special ?>