Lokali Qorti

Omm l-akkużat bil-qtil ta’ Pelin Kaya tagħżel li ma tixhidx kontra binha

Clarisse Camilleri, omm Jeremie Camilleri ta’ 33 sena minn Ħal Lija mixli bil-qtil tat-tfajla Torka ta’ 30 sena, Pelin Kaya f’Jannar li għadda għażlet li ma tixhidx kontra binha, dritt mogħti lilha skont il-liġi. Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Camilleri ta’ 33 sena f’inċident ikraħ li seħħ fit-18 ta’ Jannar li għadda fil-Gżira meta l-vittma ttajret mill-karozza li kien qed isuq l-akkużat ħdejn l-istabbiliment tal-ikel KFC.

Preżenti fl-awla fost oħrajn kien hemm missier u oħt Pelin Kaya Derya, l-ambaxxatur Tork għal Malta Erdeniz Sen u s-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche. Bħas-solut kien hemm sigurtà kbira fl-awla tal-Qorti hekk kif inġieb l-akkużat mill-ħabs.

L-Ispettur Shamus Woods kien l-ewwel xhud tas-seduta li ppreżenta żewġ ritratt tal-ġrieħi li sofriet Fiona Brincat meta marret l-għassa fl-20 ta’ Jannar 2023 u qalet lill-Pulizija li Camilleri kien xeħtilha xi ġebel viċin ix-xena tad-delitt. Woods qak li kien ġibed ir-ritratti hu stess fl-għassa tal-pulizija tal-Imsida meta kienet marret tirrapporta x’kien ġralha.

Il-Prosekuzzjoni sejħet lil omm l-akkużat bħala t-tieni xhud li qalet li tgħix Ħal-Lija u li twieldet l-Alġerija. Hi nfurmat lill-Qorti li ma xtaqitx tixhed kontra binha u għalhekk niżlet minn fuq il-pedana tax-xhieda u ħarġet il-barra, hekk kif binha deher eċċitatat ħafna fil-ftit ħin li ommu kienet fl-awla numru 10.

Ix-xhud liu jmiss kien Ali Safraz espert patoloġiku li kien appuntat fl-inkejsta maġisterjali. Qal li kien għamel l-awtopsja fuq Pelin Kaya fit-18 ta’ Jannar 2023 li kienet sabet fost oħrajn li l-kawża tal-mewt kienet kaġun ta’ ‘traumatic brain injury’ u ġrieħi fl-iskutella tar-ras. Kif temm ix-xhieda Safraz ppreżenta r-rapport tiegħu l-Qorti.

Warajh tela’ jixhed Dr David Pisani, patoloġista kollega ta’ Safraz ukoll appuntat fl-inkjesta maġisterjali. Huwa kkonferma r-rapport li ppreżenta qablu Safraz u ppreżenta kopja ta’ CD tar-rapport tal-awtopsja. Wara xehdu flimkien Michelle Camilleri u Rebecca Bartolo.

Qalu li kienu nħatru fl-inkjesta bħala uffiċjali tax-xena tar-reat. Meta waslu fuq il-post dak inhar tal-inċident ġew infurmati li kien hemm tfajla li ttajret minn Camilleri b’karozza BMW. Huma nnumeraw ix-xena minn numru 1 sa 25 u ġibdu numru ta’ ritratti.

Qalu li kien hemm bosta affarijiet inkluż fjuwil, ġebel, bricks, demm, vettura fid-daħla tal-KFC, biċċiet tal-ħwejjeġ u vettura li kienet ipparkjata mas-service station u li kellha xi daqqiet fuqha. Għall-ħabta tal-5am qal li kienu marru l-Isptar Mater Dei fejn elevaw aktar oġġetti u għall-ħabta tad-9am reġgħu marru peress li kienet se ssir l-awtopsja. Wara għamlu wkoll numru ta’ swabs inkluż fuq Jeremie Camilleri. Huma wkoll ippreżentaw ir-rapport tagħhom lill-Qorti.

Xhud ieħor kien Dr Godwin Sammut li kien inħatar biex janalizza l-kampjuni tad-demm u tal-awrina ta’ Jeremie Camilleri. Sammut ippreżenta rapport dettaljat lill-Qorti bir-riżultati tal-analiżi li kien għamel u li kienu rriżultaw pożittivi għal kokaina, cannabis u traċċi mediċinali. Madankollu t-testijiet sabu li kienu negattivi għall-alkoħol.

Marisa Cassar esperta tad-DNA kien ix-xhud li jmiss fejn din ppreżentat ir-rapport tagħha u rritornat l-esebiti li analizzat. Il-konklużjonijiet prinċipali kienu li tliet swabs li ttieħdu mill-vettura, ġenetikament jaqblu ma’ ta’ Jeremie Camilleri filwaqt li swabs oħra minn postijiet oħra fuq ix-xena tad-delitt irriżultaw li huma ta’ żewġ nisa. B’kollox kellha 26 oġġett esebit.

Il-prosekuzzjoni bagħtet lill-marixxall biex tgħajjat lil Fiona Brincat biex tkun l-aħħar xhud, il-mara li allegatament qalgħet daqqa fuq rasha mingħand Jeremie Camilleri b’ġebla u li marret tagħmel rapport lill-Pulizija.Il-Qorti kkundannata fuq disprezz li ġġib magħha multa ta’ €75.

Sadanittant id-difiża mmexxija mill-Avukati Alfred Abela u Rene Darmanin qalet lill-Maġistrat Montebello li fis-27 Marzu 2023, Qorti kienet qabdet lil Dr Nigel Camilleri bħala espert iżda sallum għadu ma għamilx kuntatt ma’ Camilleri. Il-Qorti qalet li kienet se terġa tikkomunika ma l-espert biex jibda l-inkarigu minnufih.

L-Ispetturi Kurt Zahra u Shamus Woods qed imexxu l-Prosekuzzjoni. L-Avukati Kayleigh Bonnett u Nathaniel Falzon qed imexxu f’osem l-Avukat Ġenerali. L-avukati Charlon Gouder, Ramona Attard u Shazoo Ghaznavi qed jirrappreżentaw il-familja tal-vittma. Il-Qorti tagħat tliet dati li jmiss għal meta tkompli l-kumpilazzjoni, li huma fit-28 ta’ Ġunju li ġej fil- 11am. fis-6 ta’ Lulju wkoll fil-11am. u fil-11 Lulju f’11.45am.