Lokali Qorti

Probation u għajnuna għal raġel bi problema tad-droga li seraq ammont ta’ cables tad-dawl

Electrician li għandu l-vizzju tad-droga u li huwa mill-Mellieħa tqiegħed taħt Ordni ta’ Probation għall- perjodu ta’ tliet snin b’rabta ma’ serq ta’ cables tad-dawl propjetà tal-Gvern minn diversi lokalitajiet. F’okkażjoni minnhom waqt is-serqa inqatgħet il-provvista tad-dawl tal-inħawi.

Wara ħames xhur investigazzjoni, fl-10 ta’ Mejju li għadda l-pulizija kienet ressqet lil Andrè Borg ta’ 37 sena, ‘sub-contractor’ u li xogħolu hu li jinstalla l-cables tad-dawl. Meta tressaq kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi u nżamm arrestat iżda fl-ewwel seduta tal-każ tiegħu ddeċieda li jammetti.

Fid-dawl tal-problema akuta li għandu ta’ droga, l-Qorti qieghdet lil Andrè Borg taħt ordni ta’ trattament sabiex jinghata l-għajnuna psikjattrika u psikoloġika neċessarja kif ukoll kull għajnuna oħra li jista’ jkollu bżonn sabiex jegħleb il-vizzju tad-droga.

Dan ukoll jista’ jiġi rakkomandat mill-Probation Officer, bl-intervent ta’ Professjonisti varji, b’liema ordni saret għall perjodu ta’ tliet snin. Borg ammetta tliet akkużi ta’ serq aggravat ta’ cables tad-dawl minn Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar u Ħal Tarxien u li sar reċediv. Ir-reati seħħew f’Jannar, April u Mejju ta’ din is-sena.

L-Ispettur Paul Camilleri, li mexxa’ l-prosekuzzjoni flimkien mal-Ispettur Antonello Magri, qal lill-Qorti kif l-investigazzjoni kienet bdiet wara li l-pulizija kienet irċeviet rapport dwar xi ħadd li għamel ħsara fil-cables tal-elettriku f’Jannar.

Matul il-lejl tal-5 ta’ Mejju, il-pulizija kienet irċeviet rapport mingħand residenti fi Triq San Guzepp, Raħal Ġdid, li kienu raw ‘sparks’ joħorġu mill-fili tad-dawl. L-investigaturi kienu eżaminaw filmati tas-CCTV miż-żona li kienu ttieħdu aktar kmieni matul il-ġurnata, li juru lil Borg jisraq il-cables. Pulizija pajżan kien osservah jaħdem fuq ‘high-up’ fl-istess żona l-għada u arrestah.

Fil-Qorti ngħad li Borg kien irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet waqt l-interrogazzjoni  wara li kkonsulta mal-avukat tiegħu. Il-valur tal-ħsara li wettaq il-ħati kien ta’ madwar €2,000 qal l-Ispettur Camilleri, iżda l-gravità tad-delitt kienet fl-inkonvenjent li kien ikkawża lir-residenti billi qatalhom il-provvista tal-elettriku.

Camilleri qal ukoll li l-ħsara setgħet kienet ferm agħar. Għall-ewwel qalet il-prosekuzjoni Zerafa kien qal lill-Pulizija li l-ħsarat kien wettaqhom bi żball. Ġie osservat ukoll li hu diġa’ kien ħallas għall-parti mill-ħsara u d-danni li kkawża. L-ordni ta’ Probation u l-ordni ta’ Trattament qalet il-Qorti għandhom jiġu trasmessi minnufih lid-Direttur tas-Servizzi ta’ Probation sabiex jassenja Uffiċjal tal-Probation illi jkun responsabbli għas-sorveljanza tal-ħati.

Dan minn naħa tiegħu għandu jirrapporta bil-miktub lill-Qorti bil-progress tiegħu kull sitt  xhur. L-avukati Albert Zerafa u Joey Reno Vella, deheru għal Zerafa. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Astrid May Grima.