Internazzjonali

Renju Unit: Il-Gvern jiċħad dwar immigrazzjoni inkontrollabbli

Ir-Renju Unit ikkonferma ċifri rekord relatati mal-għall-2022, bl-Uffiċċju għall-Istatistika Nazzjonali isostni li l-pajjiż laqa’ madwar 606,000 immigrant f’dan il-perjodu. Dan sar magħruf fuq il-bażi ta’ net migration li tikkalkula d-differenza bejn l-ammonti tan-nies li jaslu fir-Renju Unit u n-nies li jitilqu mill-pajjiż.

Il-fatturi wara dan ir-rekord jinkludu l-iskemi ta’ rilokazzjoni għan-nies li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Uikrajna u l-persekuzzjoni fit-territorju ta’ Hong Kong. Fattur ieħor huma l-istudenti barranin li qed jaslu kontinwament fir-Renju Unit.

Iċ-ċifri huma anki disfatta għall-Prim Ministru Britanniku Rishi Sunak li ilu taħt pressjoni biex inaqqas mill-immigrazzjoni skont il-wiegħda fl-aħħar manifest elettorali tal-Partit Konservattiv fil-Gvern. Min-naħa tiegħu, Sunak ammetta li l-ammonti tal-immigranti huma għoljin iżda ċaħad li s-sitwazzjoni għandha titqies bħala waħda inkontrollabbli.

Hu kalkulat li xi 1,2 miljun persuna kienu waslu fir-Renju Unit matul l-2022 u li 557,000 emigraw minn dan il-pajjiż fl-istess perjodu.