Lokali

Robert Abela moħħu biex jiddiskrimina minn fost il-ħaddiema tal-Gvern – PN

Minflok jippromwovi l-flessibbiltà tax-xogħol, il-Gvern ta’ Robert Abela qed ikompli jmur lura mill-wegħdiet li saru lill-ħaddiema tal-Gvern u jnaqqas ir-remote working għal 20% fil-ġimgħa, jiġifieri ġurnata waħda biss fil-ġimgħa. Dan hu ferm anqas minn dak li kien permess qabel ma daħlet fis-seħħ din il-policy ġdida, li qed ikollha impatt negattiv u tnaqqis fil-moral tax-xogħol fuq il-ħaddiem.

Dan intqal fi stqarrija maħruġa mid-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo.

Filwaqt li ma kien hemm l-ebda sinjali jew rapporti ta’ tnaqqis fil-produttività tax-xogħol, il-Gvern li ftaħar li se jkun qed jippromwovi aktar disponibbiltà ta’ remote work reġa’ għamel l-oppost.
Ħafna impjegati kkuntattjaw lill-Partit Nazzjonalista u spjegaw kif, f’ħafna każijiet, lanqas hemm biżżejjed spazju fejn kulħadd jaħdem.

Il-Gvern ta’ Robert Abela qed jiddiskrimina bejn ħaddiema li għandhom it-tfal u dawk li m’għandhomx tfal fejn suppost, kulħadd għandu jkun intitolat għal kundizzjonijiet raġjonevoli għal remote working jekk ix-xogħol jippermetti.
Il-Partit Nazzjonalista jistaqsi għaliex il-Gvern qed jiddiskrimina wkoll kontra gradi ta’ Assistenti Diretturi u gradi ogħla fejn remote working mhux permess, għalihom minkejja li x-xogħol jista’ jippermetti.

Għax hu Gvern hu mitluf, mhux itejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-produttività tal-ħaddiema tiegħu fejn possibbli. Minflok ma jiddentifika modi kif itejjeb l-effiċjenza tal-ħaddiema tiegħu u juża’ l-ħaddiema tiegħu b’mod korrett u aktar effettiv, fost oħrajn billi jixpruna remote working, il-Gvern qed ikompli jikkastiga lill-ħaddiema u jnaqqsilhom il-flessibbiltà.
Il-Partit Nazzjonalista ma jarax ir-remote working bħala theddida, iżda bħala soluzzjoni għal ħafna problemi li ħoloq dan il-Gvern stess. Jarah bħala mod kif joffri ħinijiet tax-xogħol flessibbli li jtejbu l-produttività u li, jekk użata u mmonitorjata b’mod korrett, tista’ ttejjeb l-effiċjenza, l-istandards u firxa usa’ ta’ sigħat tax-xogħol, fejn il-pubbliku jkun moqdi aħjar.

Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li, bid-direttiva “Right to disconnect”, jitnaqqas ir-riskju li ħaddiem ibati minn “burnout” meta jaħdem bir-remote working kif digà kien indikat mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).