Lokali

Studenti Maltin jipparteċipaw fil-European Money Quiz

L-għarfien u l-ħiliet finanzjarji tal-istudenti adolexxenti Maltin ġew ittestjati għal darb’oħra waqt il-European Money Quiz (EMQ) 2023, organizzat mill-European Banking Federation (EBF), u li sar fis-16 ta’ Mejju 2023 f’format fiżiku fil-bini tal-EBF fi Brussell. Avril Jane Scicluna u Jacob Camilleri, ta’ erbatax-il sena, kienu ż-żewġ studenti Maltin li rrappreżentaw lil Malta fl-EMQ.

Avril Jane tattendi l-Our Lady Immaculate Secondary School, filwaqt li Jacob jattendi l-iskola sekondarja tal-Kulleġġ Santu Wistin. Iż-żewġ studenti rrappreżentaw lil Malta f’dan l-avveniment wara li rebħu kompetizzjoni nazzjonali online li saret fost studenti tal-iskejjel sekondarji tal-istat, tal-knisja u privati. Bi tħejjija għall-EMQ, il-kompetizzjoni nazzjonali ġiet organizzata mill-Malta Bankers’ Association (MBA) fi Frar ta’ din is-sena, b’kollaborazzjoni mal-istaff fi ħdan id-Dipartiment għall-Kurrikulu, Riċerka, Innovazzjoni u Tagħlim Tul il-Ħajja tad-Direttorat għall-Programmi ta’ Tagħlim u Assessjar (DLAP), inkluż is-Sinjura Joanne Zammit, li hija l-Uffiċjal Edukattiv għall-Accounts u l-Business Studies.

L-EMQ hija l-akbar kompetizzjoni tal-għarfien finanzjarju għal studenti ta’ bejn it-13 u 15-il sena fl-Ewropa, li tattira sa miljun parteċipazzjoni fis-sena fi 28 pajjiż Ewropew permezz tal-pjattaforma Kahoot! Imnedija flimkien mal-kampanja tal-European Money Week (EMW) fl-2017, l-EMQ hija parti mill-inizjattivi tal-litteriżmu finanzjarju tal-EBF, u tixħet l-attenzjoni fuq l-importanza tal-edukazzjoni finanzjarja fost iż-żgħażagħ biex jgħixu ħajja aħjar u aktar sigura.

Avril Jane u Jacob, flimkien mal-parteċipanti rispettivi mill-pajjiżi l-oħra, kellhom iwieġbu 20 mistoqsija dwar ħiliet finanzjarji li huma konformi mal-linji gwida tal-OECD/INFE, u l-kompetenzi ewlenin dwar il-litteriżmu finanzjarju għaż-żgħażagħ, inklużi mistoqsijiet dwar is-sostenibbiltà, scams onlajn, ibbaġitjar, kif ukoll cryptocurrencies.

Avril Jane u Jacob żaru wkoll WikiFin Lab u Euronext, fost attivitajiet oħra organizzati mill-EBF għall-parteċipanti tal-EMQ.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MBA Karol Gabarretta rringrazzja lir-rappreżentanti ta’ Malta għall-isforzi tagħhom u awguralhom li l-esperjenza tagħhom tkun waħda ta’ għarfien u sodisfazzjon.

Il-parteċipazzjoni ta’ Malta fl-EMQ hija parti mill-avvenimenti tal-European Money Week li jsiru kull sena. Din is-sena kienet id-disa’ sena konsekuttiva li l-MBA organizzat sensiela ta’ avvenimenti u attivitajiet f’Malta flimkien mal-EMW, li saret f’Marzu. L-EMW tiffoka fuq l-edukazzjoni finanzjarja u tqajjem kuxjenza fost l-istudenti dwar il-flus u l-finanzi personali.