Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jappoġġja lir-residenti f’Taċ-Ċawla fir-Rabat Għawdex

Fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista sema’ t-tħassib serju ta’ residenti fiz-zona Taċ-Ċawla, fir-Rabat Għawdex, dwar:

1. Li l-bini ta’ blokka oħra ta’ akkomodazzjoni soċjali mill-Gvern stess fl-uniku spazju miftuħ li fadal fiz-zona jiġi mwaqqaf. Dan fid-dawl tal-fatt li jmur kuntrarju għall-politika li suppost qed jaddotta l-Gvern;

2. Li titjieb l-aċċessibbiltà tar-residenzi soċjali eżistenti, kif ripetutament imwiegħed mill-Partit u l-Gvern ta’ Robert Abela.

Dawn iż-żewġ talbiet ġew mgħoddija wkoll f’forma ta’ petizzjoni lill-Prim Ministru Robert Abela aktar minn ġimgħa ilu, iżda sal-lum il-Gvern għadu ma kkummentax.

Fi stqarrija li ħarġu illum, Alex Borg, kelliem għal Għawdex, Ivan Bartolo, kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar u Janice Chetcuti, kelliem għall-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali saħqu li jidher li Robert Abela u sħabu injoraw għalkollox dawn it-talbiet u bl-aktar mod ironiku, ilbieraħ, wara xhur sħaħ ta’ silenzju fuq il-media soċjali, il-Ministru Clint Camilleri pprova jbenġel bl-aktar mod qarrieqi li dan hu proġett ta’ spazju miftuħ.

Dan għamlu b’numri li jagħtu l-impressjoni li l-blokka residenzjali ħa tieħu ftit spazju.Il-permess applikat mill-Ministeru tiegħu stess, PA/5522/18 jikkontradixxu n-numri kollha kkwotati lbieraħ, li juru biċ-ċar li z-zoni tal-logħob tat-tfal, kif ukoll iz-zoni soċjali u ta’ rikreazzjoni se jkunu mrekkna u ferm iżgħar biex jagħmlu wisgħa għal blokka residenzjali u l-aċċess tagħha.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss li dan il-proġett mhux immirat għal spazju miftuħ, iżda se joħnoq l-aħħar spazju li fadal. Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista hu favur:

1. Li jkun hemm akkomodazzjoni soċjali f’sit alternattiv; u

2. Li l-ispazju kollu tal-madwar jissebbaħ u jibqa’ miftuħ għat-tgawdija tar-residenti mingħajr iż-żieda ta’ blokka oħra residenzjali. Il-bini ta’ akkomodazzjoni soċjali u t-tisbiħ tal-ispazju miftuħ huma żewġ għanijiet separati u indipendenti, iżda l-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li jridu jsiru it-tnejn flimkien.

Barra minhekk, il-Partit Nazzjonalista jtenni li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux jibqa jidħaq bir-residenti u minnufih, iniedi proġett għat-titjib tal-aċċessibbiltà fir-residenzi diġà eżistenti, kif repetutament ġie mwiegħed minn amministrazzjonijiet Laburisti. S’issa, blokka waħda partikolari kellha dan it-titjieb. Jekk wieħed iħares fl-Estimi tal-Gvern u fid-diversi awtoritajiet, m’hemm l-ebda applikazzjoni jew proġett ippjanat għat-titjib tal-aċċessibbiltà.

Hu biss il-Partit Nazzjonalista li qed joffri soluzzjoni serja u kredibbli biex iz-zona ma tkunx maħnuqa bi proġett li se jaħtaf il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn ir-residenti fiz-zona, filwaqt li l-wegħda tat-titjib tal-aċċessibiltà fir-residenzi ma tibqax biss kliem fieragħ, iżda ssir fil-konkret.