Lokali

Jissokta l-appell għal ġustizzja favur Jean Paul Sofia

Ebda arrest, ebda ġustizzja għal Jean Paul Sofia.

Fit-3 ta’ Diċembru l-ħajja taż-żagħżugħ ta’ 20 sena nħatfet mingħajr mistenni wara li tilef ħajtu taħt 4 sulari konkos meta binja li kienet għadha taħt kostruzzjoni sfrondat u spiċċat borġ ġebel f’Kordin.

Apparti l-ħaddiema li dak il-ħin kienu qed jaħdmu u li salvaw mit-traġedja….fil-binja kien hemm Jean Paul li, sal-ġurnata tal-lum, il-ġenituri tiegħu ma jafux eżattament x’kien qiegħed jagħmel hemm.

5 xhur wara u kollox għadu mistur dwar min se jkun qiegħed jerfa’ responsabbiltà għal din il-mewta – bil-Pulizija għadhom ma arrestaw lil ħadd, u bil-Prim Ministru Robert Abela jinsisti bil-pressjoni fuq il-Maġistrat Marsanne Farrugia sabiex tlesti l-inkjesta malajr kemm jista jkun.

Iżda lill-Pulizija, lill-Kummissarju Anġelo Gafà, minkejja li jista’ jieħu l-passi lil’hinn mill-Inkjesta Maġisterjali…xorta waħda għadu ma ħa l-ebda pass viżibli dwar il-każ.

Minkejja l-appelli ta’ omm Jean Paul Sofia, sabiex il-Prim Ministru Robert Abela jsejjaħ inkjesta pubblika sabiex traġedja bħal din tiġi evitata akkost ta’ kollox, sabiex fi kliemha stess l-ebda omm ma tgħaddi mid-dulur li tinsab fih hi stess….Abela jibqa’ jinjora għal kollox il-karba tal-omm.

Għaldaqstant, għal darb’oħra twassal il-messaġġ quddiem il-parlament – #JusticeforJeanPaulSofia