GSSE Malta 2023 Sport

L-isport jagħtik sodisfazzjon kbir u dan mhux f’riżultati biss – Claire Azzopardi (Long Jump u Triple Jump)

“L-isport itik sodisfazzjon b’mod differenti. Mhux biss riżultati. Hemm ir-relazzjoni mal-kowċis, man-nies li titħarreġ magħhom. Mentalment jibnielek ċertu karattru. Permezz tal-isport titgħallem taħdem u tiġġieled għal dak li tkun trid tilħaq”.

Dan sostnietu Claire Azzopardi, atleta ta’ Pembroke Athleta li titħarreġ fid-dixxiplina tal-Long Jump u Triple Jump. Claire, ftit ilu kisret ir-rekord nazzjonali fit-Triple Jump u kienet ukoll rebbieħa ta’ midalja tad-deheb fil-Long Jump fil-Kampjonat tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa.

Lil Claire nistaqsuha għaliex għażlet sport individwali minflok sport aktar ibbażat fuq spirtu ta’ tim. “Dejjem mort għal sport individwali. Inħoss li f’tim tkun tinħass ħafna l-pressjoni  li sħabek tat-tim xi ħin jew ieħor jiddependu fuqek. Nippreferi niffoka fuqi innfisi. Jekk qed nikkompeti u mort ħażin,  inkun jien li mort ħażin u mhux xi ħadd li spiċċa ukoll jiddependi minni. Irrid ngħid imma li fl-aħħar snin dħalt fir-Relay, li hu ‘tim event ‘u issa saret waħda mill-favoritii tiegħi. Hemm sens ta’ tim fir-Relay”, tgħid Claire Azzopardi.

Claire, tispjega li “jien fil-verità ma’ dħaltx mill-ewwel fl-atletika. L-ewwel li ma bdejt kien fil-ġinnastika. Ipprattikjat għal qisu 15-il sena. Il-ġinnastika tani bażi tajba u għenitni fl-atletika. Però bil-għajnuna tal-kowċ iddeċidejna li nibda nitħarreġ fil-long jump u t-triple jump. Din hi it-tmien sena tiegħi li qiegħda nikkompeti.

Se nibqgħu saqajna mal-art u nagħtu dak kollu li nistgħu

Fejn tidħol din l-edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar, Claire se tkun qed tikkompeti fil-Long Jump, Triple Jump u r-Relay. Claire tiddikjara li “ilna snin nippreparaw għalihom. Qed nistennew riżultati tajbin. Din is-sena diġà qbiżt ir-rekord nazzjonali fit-triple jump. Kelli ukoll l-aħjar qabża fil-long jump. Nibqgħu saqajna mal-art u nagħtu dak kollu li nistgħu.”

Tkompli tgħid li “l-fatt li l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar qegħdin isiru f’pajjiżna, dan hu ta’ vantaġġ kbir. Nistennew li anke l-pubbliku Malti jikkonkorri. Li tara nies jappoġġjawk hi xi ħaġa li tgħinek. F’kompetizzjoni li kellna ftit xhur ilu, kellna stands mimlijin bin-nies u dik għenitna ħafna. Ninkoraġġixxi lin-nies biex jiġu u jaghtuna l-appoġġ.”

Pożittiva ħafna li nikkompetu ma’ atleti barra minn Malta

Claire titkellem dwar l-importanza tat-taħriġ barra minn pajjiżna, fatt li jlaqqa’ lill-atleti Maltin ma’ atleti barranin u ma’ faċilitajiet sportivi differenti. Grazzi ghal Agheltics Malta, dawn l-ahhar sentejn kellna diversi opportunitajiet bhal dawn Tgħidilna li “l-klabb ta’ Pembroke Athleta daħlu fl-EAP Circuit. Din hi kompetizzjoni madwar l-Ewropa. Aħna bħala atleti tal-klabb ikollna opportunità li nikkompetu barra minn pajjiżna. Malta  mbagħad torganizza hi wkoll attivitajiet f’pajjiżna u jiġu l-atleti barranin. Dan se jsir f’Lulju. Din hi opportunità tajba”.

L-aktar punt diffiċli hu sakemm issib l-isport adattat għalik

Waħda mid-diffikultajiet li jsibu tfal u żgħażagħ illum hi dik tal-kontinwità fit-taħriġ għall-isport. Fil-fatt spiss nisimgħu bi tfal u żgħażagħ li jibdew taħriġ imma jieqfu ftit żmien wara jew oħrajn li jsibu diffiċli biex jibdew jitħarrġu f’xi dixxiplina sportiva.

Staqsejna lil Claire dwar dan, u tgħidilna li “d-diffikultà qiegħda sakemm issib l-isport adattat għalik. Dan hu l-aktar punt diffiċli. Ikun hemm min jgħid m’għandix aptit. Għandi x’nagħmel. Meta mbagħad jibdew jippruvaw xi dixxiplina sportiva huma stess jibdew jindunaw bil-benefiċċji. Nappella biex min għaddietlu minn moħħu li jibda xi sport u ma kellux il-kuraġġ, ma jaqtax qalbu. La darba tibda tara l-benefiċċji, tħossok aħjar. Tibda ssib il-ħin għalih meta qabel kont tgħid għandi x’nagħmel. Tibda tinduna kemm tkun bdejt il-ġurnata fuq nota pożittiva.”     

Il-ħin li nagħtu għall-isport hu għax inħobbu l-isport

Nitkellmu magħha dwar is-sagrifiċċji li jagħmlu atleti bħalha. Tgħidilna li “aħna ma nagħmlux flus mill-isport. Il-ħin li nagħtu għall-isport hu għax inħobbu l-isport u għax irridu nirrappreżentaw lil pajjiżna. Waqt li nkunu qed nipprattikaw l-isport aħna ikollna l-istudji jew ix-xogħol tagħna. Hemm sagrifiċċju biss issib bilanċ bejn xogħol u sport. Ma toħroġx ma’ sħabek u ma tikolx li trid. Meta tkun ġejja kompetizzjoni, ma tkunx tista’ toħroġ ma’ sħabek.  Fl-aħħar mill-aħħar meta tara r-riżultati u x’tak l-isport, ma jiddispjaċikx.”