Internazzjonali

L-Istati Uniti: Ir-Reġina Eliżabetta, fl-1983, spiċċat mira ta’ kumplott kontra ħajjitha

Ir-Reġina Eliżabetta tal-Ingilterra, fl-1983, kienet qed tiffaċċja theddida potenzjali għal ħajjitha waqt żjara li hi kienet qed tagħmel fl-Istati Uniti.

Dan kien żvelat minn dokumenti deklassifikati tal-FBI (Federal Bureau of Investigation) tal-Istati Uniti u li ħarġu għall-konsum tal-pubbliku wara l-mewt tar-Reġina, is-sena l-oħra.

L-informazzjoni tinsab fil-files relatati għal dik iż-żjara tar-Reġina u li kienu uploaded fuq il-website tal-FBI magħruf bħala The Vault. Dan sar possibbli permezz tal-liġi magħrufa bħala Freedom of Information Act u li kienu invokaw il-mezzi tal-istampa Amerikani.

L-informazzjoni tiżvela li l-FBI, li ħadet ħsieb is-sigurtà tar-Reġina matul iż-żjara fl-Istati Uniti, kienet ‘inkwetata ħafna’ dwar it-theddid mit-terroristi tal-IRA – l-Irish Republican Army – li kienu attivi ħafna f’kampanja mdemmija biex l-Irlanda ta’ Fuq ma tibqax amministrata minn Londra.

Jidher ukoll li uffiċjal tal-pulizija f’San Francisco kien ‘infurmat’ minn persuna dwar il-kumplott kontra r-Reġina u b’dan l-uffiċjal ma jitlifx iż-żmien biex jinforma lill-FBI– xhur qabel iż-żjara li r-Reġina u żewġha l-Prinċep Philip kellhom jagħmlu f’Kaliforna, f’Marzu tal-1983.

Jidher ukoll li r-raġel li żvela l-informazzjoni lill-pulizija f’San Francisco ried jivvendika ruħu għal bintu li kienet sfat maqtula minn rubber bullet waqt l-inkwiet fl-Irlanda ta’ Fuq.

Sadanittant, l-FBI, dak iż-żmien, kienet żiedet il-miżuri tas-sigurtà għal waqt iż-żjara tar-Reġina – bil-files deklassifikati ma jiżvelaw l-ebda dettalji dwar xi arresti b’konnessjoni mat-theddida.