Internazzjonali

L-Ukrajna: Aktar attakki mir-Russi fuq miri ċivili…fosthom klinika

Mietu talanqas żewġ persuni wara li l-qawwiet Russi sparaw il-missili lejn klinika għat-trattament tal-pazjenti  fil-belt ta’ Dnipro, lejn il-lvant tal-Ukrajna.

L-attakk ħalla wkoll għexieren ta’midruba, bil-Gvern Ukren jikkundanna l-kampanja sistematika ta’ qerda li r-Russja qed tmexxi kontra l-popolazzjoni u l-infrastruttura ċivili tal-Ukrajna.

Fil-fatt, l-attakki fuq iċ-ċivili Ukreni baqgħu għaddejjin b’rata konsistenti mill-bidu tas-sena, anki waqt li l-militar Russu li qed jokkupa r-reġjuni tal-Ukrajna jinsab lest biex jilqa’ għal kontra-attakk imminenti mill-Armata Ukrena u li mistennija għall-bidu tas-sajf.

Fl-aħħar sigħat,  Serhiy Lysak, bħala l-Gvernatur tar-reġjun ta’ Dnipropetrovsk Oblast, ikkonferma li hemm numru ta’ tfal fost il-midruba waqt l-attakk fuq il-klinika.

Min-naħa tiegħu, il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, bagħat filmat tal-klinika bin-nirien u d-dħaħen ħerġin minnu fuq il-media soċjali, Dan waqt li Zelensky ikkummenta li ‘it-terroristi Russi mill-ġdid qegħdin juru l-mibgħeda tagħhom għal kull membru uman u onest ta’ poplu li ilu x-xhur vittma ta’ aggressjoni’.

Sar magħruf ukoll li r-Russi, fl-aħħar sigħat, sparaw ammont kbir ta’ missili u drones waqt attakk massiċċ fuq diversi zoni fir-reġjun ta’ Dnipropetrovsk – bl-awtoritajiet Ukreni jammettu li r-residenti sofrew bil-kbir mill-qilla tal-attakki.

Dan minkejja li s-sistemi tad-difiża tal-Ukreni rnexxielhom iwaqqgħu mal-20 missila u 30 drone li kienu sparati lejhom mir-Russja matul il-lejl tal-Ħamis.

Fl-istess ħin, numru ta’ missili laqtu diversi miri sensittivi fi Dnipro u lejn il-lvant ta’ Kharkiv u li fost oħrajn kienu jinkludu depot taż-żejt.

Anki l-belt ta’ Kiev, il-kapitali Ukrena, spiċċat mira għall-qawwiet Russi, bil-fdalijiet ta’ xi drones li nqerdu mid-difiżi Ukreni jinżlu direttament għal fuq ċentru kummerċjali u numru ta’ djar.

Fl-istess ħin, il-gwerra fl-Ukrajna tidher li qed tinfirex anki lejn l-artijiet tar-Russja man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Dan meta fl-aħħar sigħat, kien hemm splużjoni li ħalliet il-ħsarat sostanzjali f’bini tal-uffiċini u li tinkorpora anki r-residenzi fil-belt ta’ Krasnodar, lejn il-lvant tal-Krimea.