GSSE Malta 2023 Sport

Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar: L-aħħar preparamenti għaċ-Ċerimonja tal-Ftuħ

Charles Camenzuli

Ninsabu tlett ijiem ‘il bogħod miċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tad-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa – MALTA2023. Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ se ssir fuq il-Fosos tal-Floriana fejn qed isiru l-aħħar tħejjijiet l-aktar fuq il-palk li fiħ tiddomina l-urna li tiġi mixgħula nħar it-Tnejn filgħaxija mill-aħħar atleta li jġorr it-torca tal-Logħob.

Iċ-Ċerimonja tal-Ftuħ u wisq aktar il-palk ċentrali jrid jilqa’ madwar 900 parteċipant bejn atleti u uffiċjali mid-disa’ pajjizi partecipanti. Kollox jindika li l-istess atleti se jkunu huma fiċ-ċentru taċ-Ċerimonja apparti li l-qofol ikun dejjem bil-parata tal-atleti.

Dan kollu flimkien mad-dħul tal-bandiera tal-Logħob li dejjem toħloq kurżità min se jkunu dawk li jġorruha. Fl-istess ritwal flimkien mal-indirizzi minn dawk direttament involuti fl-organizazzjoni u l-Kumitat Olimpiku Malti, jingħata l-ġurament f’isem l-atleti , uffiċjali u referees bl-element ta’ Fair Play u sport nadif mid-doping jispikka fl-istess ġurament. Fl-istess waqt f’San Ġwann, fejn il-Kumitat Organizattiv għandu l-kwartieri amministrattivi, qed isir l-aħħar xogħol fil-ħruġ ta’ akkrediti tal-atleti, uffiċjali, membri tal-media kif wkoll mistiedna speċjali għal-Logħob.

Fl-istess kumpless se jkun alloġġjat il-kontinġent Malti ta’ 214 atleta flimkien mal-uffiċjali akkreditati u fejn kulljum filgħodu se jibda jingħata aġġornament dwar il-Logħob lill-media.