Charles Camenzuli
Fil-mument li nhar it-Tnejn 29 ta’Mejju jattendi għac-Ċerimonja tal-Ftuħ tad-19-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar tal-Ewropa, Thomas Bach ikun it-tielet President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali li jkun żar Malta u preżenti fic-Ċerimonja tal-Ftuħ.
Fil-passat, Juan Antonio Samaranch fil-15 ta’ Mejju 1984 kien attenda għal konferenza tal-Ministri tal-Isport fil-Kunsill tal-Ewropa. Fil-25 ta’ Mejju 1993 attenda u fetaħ uffiċjalment il-ħames edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.
Fl-1995 wettaq żjara ta’ ftit sigħat li matulha ġie ppreżentat mill-Università ta’ Malta bl-onorifiċenza ‘Honoris Causa’. L-aħħar żjara ta’ Juan Antonio Samaranch fostna kien fid-29 ta’ Settembru 1999 għal Konferenza tal-Ministri tal-Isport tal-Ewropa.
Jacques Rogge, wara li fil-15 ta’ Lulju 2001 waqt il-112-il sessjoni tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali f’Moska kien elett bħala d-disa’ President mill-1896, żar Malta bħala President fl-1 ta’ Ġunju 2003 fl-okkazjoni tal-għaxar edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Qabel din iż-żjara Rogge, bħala President tal-Kumitat Olimpiku Belġjan, kien attenda id-disa’ Seminar tal-A.E.N.O.C li kien sar fil-Lukanda Excelsior, il-Floriana fl-1988, filwaqt li fit-2 ta’ April 2000 bħala President tal-E.N.O.C kien mexxa l-Kungress li sar fil-Lukanda Hilton, San Ġiljan.
//= $special ?>