Lokali Qorti

Miċħud l-pleġġ fil-konfront tar-raġel ta’ Bernice Cassar mixli bil-qtil tagħha

Il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ċaħdet talba oħra li saret minn Roderick Cassar akkużat bil-qtil ta’ martu Bernice Cassar għall-ħelsien mill-arrest bl-aktar raġuni ta’ ċertu portata tkun dik minħabba l-interess pubbliku. Raġuni oħra hija li l-akkużat mhux persuna affidabbli biex jingħata l-pleġġ.

Cassar jinsab mixli li fit-22 ta’ Novembru li għadda filgħaodu qatel lil martu Bernice b’żewġ tiri ta’ arma tan-nar fl-inħawi ta’ Kordin fil-ħin li kienet sejra għax-xogħol. F’rikors li tressaq nhar it-Tlieta li għadda, d-difiża tiegħu għamlet talba oħra għalll-ħelsien mill-arrest minħabba li x-xhieda pajżana kollha taw id-depożizzjoni tagħhom fil-kumpilazzjoni tax-xhieda.

Qalu wkoll li mhux mistenni li jkun hemm hemm żviluppi ġodda min-naħa tal-prosekuzzjoni u l-oneru tal-prova biex Cassar jibqa’ jinżamm arrestat tistrieħ fuq il-prosekuzzjoni. Fit-talba tagħha, id-difiża kkwotat għadd ta’ sentenzi mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u mill-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Dawn jgħidu li l-gravità tal-każ, waħidha bħala raġuni, mhix biżżejjed biex iżżomm persuna arrestata.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali oppona bil-qawwa kollha

Fir-risposta tagħha, l-Avukat Angele Vella li flimkien mal-Avukat Anthony Vella qed tmexxli l-każ mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali oġġezzjonat għal darba oħra bil-qawwa kollha għat-talba tad-difiża fejn qalet li r-reat li jinsab mixli bih Cassar, dak ta’ qtil u oltrè ta’ femiċidju) ta’ martu Bernice huwa serjissimu.

Minkejja li Cassar huwa preżunt innoċenti, madankollu, ir-reati allegatament li wettaq saru bi ksur totali ta’ Ordni ta’ Protezzjoni maħruġa mill-Qorti. Dan qalet il-prosekuzzjoni juri li Cassar mhux persuna affidabbli tant li ma joqgħodx għall-ordnijiet tal-awtoritajiet, punt li l-Qorti Kriminali qablet miegħu mija fil-mija.

L-Avukat tal-prosekuzzjoni qalu wkoll li Cassar ġie arrestat wara 17-il siegħa ta’ reżistenza u tul dawn is-sigħat kollha m’obdix l-ordinijiet leġittimi tal-pulizija. Dan kollu jikkonferma li Cassar ma joqgħod għall-ordnijiet u l-kundizzjonijiet li timponi fuqu l-Qorti.

Fir-risposta għar-rikors l-avukat tal-AĠ qalu li l-akkużat mhux bniedem ta’ karattru li tista’ toqgħod fuqu. Qalu wkoll li huwa għażel li jaħrab minn fuq il-post tar-reat u dan iqanqal biża’ li f’każ li jingħata l-ħelsien mill-arrest, dan jaħrab minn Malta fid-dawl tar-reati serji li jinsab mixli bihom.

“Biżat oħra jinkludu kliem ta’ tħassib ferm jekk mhux ukoll allarmanti ta’ Roderick Cassar fil-konfront tal-qraba tal-vittma fosthom li messaġġi li “kollha kienu se jpattuha minn Ħaż-Żebbuġ sa Santa Luċija u “Revenge is a must”, post fuq messenger li fih ikkoppja kemm lill-vittma u anke lil kollega tax-xogħol tagħha.

“Apparti dan messaġġi li beda jibgħat dakinhar tal-omiċidju, fosthom lil missier Bernice. Dan kollu meta l-pulizija kienu qed imexxu l-operazzjoni biex jarrestaw lil Cassar fejn saħanistra għamlu sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu jistennewh barra”, qalet il-prosekuzzjoni.

Ħafna raġunijiet kontra l-ħelsien mill-arrest

Punt ieħor kien li waqt l-omiċidju, Cassar kellu f’idu arma tan-nar mhux reġistrata, u għalhekk hu ta’ tħassib kbir li l-akkużat għandu konnessjonijiet f’dan l-ambjent kriminali. Tennew li dan il-fatt u d-diskors li ħareġ minn fommu jistgħu jservu biex jitwettqu reati oħra inluż li jista’ jagħmel il-preparamenti bex jaħrab mill-pajjiż.

Fir-risposta twila tagħhom l-Avukat tal-AĠ qalu wkoll li meta wieħed jara dawn il-fatti tal-każ u l-gravità tar-reat, il-ksur tal-ordni ta’ protezzjon, li spiċċa biex inħeba wara l-allegat omiċidju volontarju, li ma obdiex l-ordnijiet uffiċjali tal-pulizija u l-karattru tiegħu li ma jobdi għall-ebda awtorità flimkien mad-diskors li ntqal minn stess, jirriżulta bl-aktar mod ċar, in-nuqqas ta’ affidabilità tiegħu, inkluż il-biża’ reali tal-ħarba mill-gżejjer Maltin.

Kien fuq dawn it-termini li l-Uffiċċju tal-AĠ oġġezzjona bil-qawwa kollhha għat-talba ta’ Cassar biex jingħata l-ħelsien mill-arrest. Għal Cassar qegħdin jidhru l-Avukati Franco Debono u Arthur Azzopardi, Marion Camilleri u Jacob J. Magri. Il-familja Cilia hija rrappreżentata mill-Avukati Stefano Filletti, Marita Pace Dimech u Ann Marie Cutajar. L-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri u Paul Camilleri mexxew l-investigazzjoni, mgħejjuna mis-Supretendent Keith Arnaud li kkordina mal-Ispetturi.