Lokali Qorti

Pospost il-ġuri ta’ Daniel Muka mixli bi qtil doppju f’Tas-Sliema wara li l-avukat tiegħu irrinunzja l-patronċinju

Il-ġuri ta’ Daniel Muka, Albaniż ta’ 28 sena li qed jiġi mixli bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski fid-dar tagħhom f’Tas-Sliema mhux se jsir kif kien ippjanat għal nhar it-Tnejn, 29 ta’ Mejju minħabba li l-Avukat tiegħu rrinunzja l-patronċinju. Għalhekk se jkollu jiddeffendih avukat ieħor li jenħtieġ iż-żmien biex jipprepara d-difiża tiegħu.

Issa minflok l-Avukat Alfred Abela li kien qed jidher għall-Albaniż – huwa mifhum li d-difiża se tkun komposta minn avukat tal-Għajnuna Legali bil-ġuri issa ġie differit għal aktar tard din is-sena. X’aktarx li se jkun l-Avukat Simon Micallef Stafrace li se jidher għal Muka, bil-ġuri jinstema’ quddiem l-Imħallef Aaron Bugeja, meta jiġi deċiż li se jkun appuntat.

It-tabib Pandolfino ta’ 58 sena u s-sieħeb tiegħu Maciejowski ta’ 30 sena nqatlu kiesaħ u biered fid-dar fi Triq Locker fit-18 ta’ Awwissu għall-ħabta tal-10.15pm. Minbarra Daniel Muka akkużati bi qtil doppju huma wkoll il-bouncer mill-Maċedonja, Viktor Dragomanski u u ċ-ċittadin Daniż Jesper Kristiansen li qed jiffaċċaw proċeduri separati.

Mill-kumpilazzjonijiet fil-konfront tal-akkużati b’rabta ma’ dan il-qtil qed jiġi allegat li Daniel Muka kien li spara u dan skont ma’ Dragomanski kien qal lill-Pulizija, akkuża li Muka qed jiċħad. Dragomanski kien qal lill-pulizija li hu kien qed jimxi bil-kelb tiegħu meta ġie avviċinat minn żewġt irġiel f’karozza u staqsew jekk riedx jieħu sehem f’job biex jaqa’ xi ħaġa tal-flus. f’“impjieg”.

Iż-żewġt irġiel kienu Muka u Jesper Kristiansen. Dan ix-xogħol kien serqa “ppjanata ħażin” li rriżultat fil-qtil doppju. Dragomanski qal li ħajtu kienet ġiet irvinata fil-minuta li ddeċieda li jipparteċipa f’dan il-job”. Is-Supetendent James Grech kien qal fil-Qorti kif mal-arrest tiegħu, Dragomanski kien ta stqarrija twila fejn mill-ewwel kien qal li kien Muka li spara.

Dragomanski qal li kien ġie avviċinat dakinhar tal-isparatura doppja waqt li kien barra bil-kelb tiegħu. Muka kien fuq is-seat tal-passiġġier ta’ quddiem ta’ VW Tiguan bajda – il-karozza li allegatament intużat fil-qtil doppju – li kienet misjuqa minn Kristiansen, u dawn li kienu ħbieb tiegħu, talbuh biex imur magħhom biex jaqla’ xi flus.

Wara li aċċetta li jipparteċipa, Dragomanski ħa l-kelb tiegħu lura d-dar, daħal fil-karozza u t-tlieta saqu lejn il-post tad-delitt fi Triq Locker ta’ Tas-Sliema. Skont il-verżjoni tal-avvenimenti ta’ Dragomanski – ikkonfermata minn filmati tas-CCTV li aktar tard ttellgħu mill-pulizija – Kristiansen saq madwar il-blokka tax-xena tal-qtil għal numru ta’ drabi qabel waqaf fi Locker Street.

Dragomanski qal lill-pulizija li meta Muka ħareġ mill-karozza kien qed iżomm pistola, li hu ħeġġu biex ma jużax. Muka u Kristiansen imbagħad marru lejn id-dar filwaqt li Dragomanski baqa’ lura fil-karozza pparkjata. Wara li ġew sparati tiri, Dragomanski qal li Kristiansen ħareġ mid-dar tal-vittmi u sejjaħlu fid-dar biex jagħti daqqa t’id. Hemmhekk ra ż-żewġ katavri ta’ Pandolfino u sieħbu Maciejowski.

CCTV Cameras kienu utli fl-investigazzjoni tal-Pulizija

Dragomanski, li għandu jkun xhud ewlieni fil-ġuri qal li ftit wara li daħal fid-dar, Muka qal li “x-xogħol” lest u t-tlieta telqu. Dragomanski qal lill-pulizija li kien “xokkjat” u kellu jiġi mkaxkar barra mill-bini minn Muka. Huma kienu ħarbu minn fuq il-post u pproċedew lejn kumpless ta’ parkeġġ tal-Pieta’ fejn Dragomanski qal fil-Qorti li għen lil Muka jibdel il-pjanċi tar-reġistrazzjoni tal-VW Tiguan.

Is-Supretendent Grech kien qal lill-Qorti kif il-pulizija kienet użat filmati minn diversi CCTV cameras, xarabank pubblika, servizz ta’ cab online, u pariri kunfidenzjali biex jintraċċaw lit-tliet irġiel mix-xena tal-qtil.

Grech qal li fuq il-post tal-qtil, Pandolfino kien nstab mimdud ħdejn id-daħla ta’ quddiem liebes biss ħwejjeġ ta’ taħt. Lejh ġew sparati ħames tiri. Maciejowski instab mejjet b’tir wieħed fuq l-inżul tat-tieni sular. Iż-żewġ vittmi, kien qal Grech, kienu magħrufa għall-ġojjellerija estensiva li kienu jilbsu.

Kien evidenti, qal Grech, li wara li qatlu liż-żewġt irġiel, l-awturi kienu ħatfu ġiżirajjen minn għonqhom hekk kif xi ġojjelli kienu neqsin u nstabu mal-art ħdejn il-katavri. Grech qal ukoll li ġew innutati marki ta’ lieva fuq il-bieb, li jissuġġerixxu li l-awturi sfurzaw jiftħu l-bieb f’xi ħin. Madankollu, aktar tard Grech qal li ma kienx ċar jekk l-ewwel kienux tħallew jidħlu minn Pandolfino u wara sfurzaw jiftħu l-bieb meta ddaħħal Dragomanski biex jgħin.

Grech kien xehed li l-espert maħtur mill-Qorti Martin Bajada kien eżamina filmati tas-CCTV li kkonfermaw li Pandolfino kien mar lura d-dar minn ikla tal-familja fl-10.10pm. Il-VW Tiguan intlemaħ fl-inħawi fl-10.13pm. Saq madwar il-blokka tliet darbiet u mbagħad waqfet f’Locker Street ta’ fuq, xi 80 metru mid-dar.

Fl-10.19pm raġel twil iġorr borża, liebes qalziet iswed bi strixxi bojod, beritta tal-baseball, u maskra kirurġika deher dieħel fid-dar flimkien ma’ “raġel imbaċċaċ” maħsub li kien Kristiansen. Is-Supretendent Grech kien xehed ukoll li l-filmati tas-CCTV ikkonfermaw ukoll l-istorja ta’ Dragomanski li kien baqa’ fil-karozza u wara ġie msejjaħ minn Kristiansen.

Il-karozza li ntużat fil-qtil għaddiet minn diversi lokalitajiet

Grech qal ukoll li l-pulizija kienet irċeviet informazzjoni mis-sistema tal-pjanċa tal-liċenzja ta’ Transport Malta, li l-pjanċi misruqa li jintużaw fuq il-VW kienu aktar kmieni ntlemħu fuq Peugeot fil-Gżira dakinhar tal-qtil. Ġie stabbilit li wara l-inċident tal-isparatura, il-VW bajda għaddiet minn Tigne, lejn il-Kappara, Sta Venera, l-Imsida, u Pieta’.

Il-patrols kienu ffukaw fuq iż-żona madwar l-Isptar San Luqa, fejn l-uffiċjali eventwalment illokaliżżaw l-VW f’żona ta’ parkeġġ fejn instab ma’ sett ieħor ta’ pjanċi misruqa. Fuq il-post kien issejjaħ tim tal-forensika. Grech qal ukoll fix-xhieda estensiva li kien ta li l-pulizija sabet borża sewda li kien fiha sapun mid-dar tal-vittmi u business cards ta’ qarib ta’ Pandolfino. Sabu wkoll parrokka, żewġ imitazzjonijiet ta’ ‘machine guns’ u pjanċi tal-liċenzja oħra misruqa.

Grech qal ukoll li tliet irġiel imbagħad kienu dehru mill-camera mexjin fit-Telgħa ta’ Guardanmangia. Filmati wrewhom jieqfu f’bus stop fl-10.47pm. Waħda mill-cameras, minn spiżerija, wriet raġel twil miexi għan-niżla. Dan ir-raġel twil kien qed iżomm xarba f’idu l-leminija, u kellu appoġġ għall-minkeb fuq ix-xellug.

Aktar tard il-Pulizija ġiet infurmata mill-kollegi li jumejn qabel Muka kien mar l-għassa tal-Belt Valletta biex jiffirma l-bail book tiegħu u kien liebes speċi ta’ support fuq driegħu tax-xellug. L-istatura tar-raġel li nqabad bil-camera wkoll kienet tixbah ħafna lil Muka, u Grech qal li nzerta kien jaf lil Muka minn każ preċedenti li kien investiga – serqa bl-armi fl-2017.

Grech qa wkolll li l-pulizija tellgħu wkoll filmati minn xarabank li kienet għaddejja li wrew it-tliet persuni jistennew fuq il-bus stop flimkien. Still tal-filmat wera wiċċ Muka b’mod ċar. Camera oħra minn cafetterija wriet ukoll waħda mit-tliet persuni, liebsa top aħmar, tidħol fil-ħanut. Aktar tard impjegat ta’ dan il-ħanut kien qal lill-pulizija li kien talab il-password tal-wifi. Muka kien għamel xi żmien mistoħbi waqt it-tfittxija tiegħu bis-Supretendent James Grech jgħid ukoll lill-Qorti li Muka nstab liebes ġiżirana ta’ Pandolfino madwar għonqu  L-Avukat Joe Giglio qed jidher bħala parte civile għall-vittmi.