Futbol Sport

Premier League Ingliż: Man. United jaċċertaw minn post fil-UEFA Champions League

(Ritratt: EPA)

Manchester United kien jonqoshom put biex jaċċertaw minn post fil-UEFA Champions League fl-istaġun li ġej u dawn aċċertaw mir-ritorn f’din l-iktar kompetizzjoni prestiġjuża meta f’Old Trafford għelbu lil Chelsea  4-1.

Għar-Red Devils prestazzjoni tajba li fiha ġabu fix-xejn lil Chelsea li komplew jikkonfermaw l-istaġun deludenti li kellhom minkejja nefqa ta’ iktar minn £600 miljun f’dan l-istaġun.

Ma kienx kollox pożittiv għal Manchester United li wara ftit minuti tilfu lill-Brażiljan Anthony u minflok daħal l-attakkant Ingliż Marcus Rashford. L-injury ta’ Anthony tidher waħda serja bil-possibilità li Anthony jitlef il-finali tal-FA Cup kontra Manchester City f’Wembley il-ġimgħa d-dieħla.

Manchester United ħadu biss sitt minuti biex fetħu l-iskor permezz tal-eks plejer ta’ Real Madrid Casemiro, u fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima kien Martial li skorja t-tieni gowl. Fit-73 minuta Fernandes skorja minn penalty u ħames minuti wara Marcus Rashford skorja r-raba’ u l-aħħar gowl tar-Red Devils. L-unika konsolazzjoni għal Chelsea kien il-gowl ta’ Joao Felix fid-90 minuta.