Lokali

Robert Abela ifarfar fuq is-sewwieqa

Għadu kmieni sabiex jiġi deċiż għandhiex titwaħħal speed camera fil-bypass tas-Central Link – għadna ma nafux fejn għandha titqiegħed u b’liema limitu ta’ veloċità. Hekk kien sostna f’April tal-2021 il-Ministru Ian Borg fil-Parlament, meta dak iż-żmien responsabbli mit-Trasport.

Għaddew aktar minn sentejn – ħadd ma jaf fejn weħlu dawn l-istudji.

U sadattant, erġajna rajna  traġedja oħra fit-toroq Maltin.

Il-Ġimgħa filgħodu, Net News staqsa lil Robert Abela fejn waslu dawn l-istudji – bil-Prim Ministru jinsisti li speed camera mhux se tkun qiegħda ssolvi l-problemi li hawn fit-toroq; filwaqt li farfarha fuq il-poplu.

Net News għal darba darbtejn staqsa lil Robert Abela dwar l-istudji li suppost saru minn Transport Malta. Iżda Abela, akkost ta’ kollox, ried jevita li jikkommetti ruħu fuq din it-triq partikolari.

Il-Prim Minsitru tkellem biss dwar il-bżonn ta’ dibattitu nazzjonali dwar is-sigurtà fit-toroq, għalkemm bosta qed jinsistu li żmien l-istudji spiċċa – hekk kif it-tkaxkir tas-saqajn qed jissarraf f’imwiet ta’ qraba u ħbieb, ġenituri u ulied.

Dan spjegah ukoll il-ġurnal Times of Malta bit-titlu fl-editorjal “il-prokrastinazzjoni toqtol” – filwaqt li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Assigurazzjoni appellat lill-awtoritajiet sabiex jiġu installati l-kameras.

Dwar il-fatt li l-Gvern qed ikaxkar saqajh fuq din il-kwistjoni tas-sigurta fit-toroq…saqsejna lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonett, illi minn naha tieghu ma qabilx.

U skont Chris Bonett, l-affarijiet qed isiru b’mod tajjeb.

Intant, Robert Abela fakkar li nofs siegħa qabel ma seħħ l-inċident fatali li ħataf il-ħajja ta’ Kacey Sciberras kien hemm road block tal-Pulizija. Għalkemm fl-ebda ħin baqa’ ma kkommetta ruħu li ssir speed camera.