“Il-Partit Nazzjonalista għandu pjan mhux biss għall-infrastruttura fis-saħħa, mhux jieqaf biss għall-kura u s-servizzi inkluż il-medicini, iżda għandu pjan ukoll kif nistgħu ngħinu fir-riżors uman, inżidu ir-rizors uman ħalli jlaħħaq mal-isfidi illi l-pajjiż tagħna se jkollu l’quddiem fis-saħħa”
Dan qalu d-deputat tal-Partit Nazzjonalista Stephen Spiteri waqt konferenża tal-aħbarijiet illi saret il-Ġimgħa filgħodu, fejn ġew diskussi diversi problemi illi qed jolqtu lill-poplu Malti u Għawdxi b’mod dirett, fosthom in-nuqqas ta’ mediċini, u n-nuqqas ta’ rizorsi għall-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur tas-saħħa; b’detriment għal pażjent.
Id-deputat tal-PN u kelliem għas-saħħa irrefera għal rapport li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem u li wera iswed fuq l-abjad kif bejn l-2018 u l-2021 il-Gvernijiet ta’ Joseph Muscat u Robert Abela niżżlu lill-pajjiżna fl-aħħar post bħala l-inqas stat membru fl-Unjoni Ewropea li kellu aċċess għal mediċini ġodda approvati mill-Unjoni.
“Aħna qed naraw mhux biss in-nuqqas tal-Gvern li ma jrexxilux joħloq infrastruttura ġdida f’dawn it-8 snin għaliex falla l-kuntratt ma’ Vitals u Steward u għalhekk ma għandnix sptarijiet ġodda, m’għadnix Sptar ġdid f’Għawdex, b’negattivita fuq l-Għawdxin .. M’għadnix l-Isptar St Luke’s rinovat u b’hekk Mater dei qed jegħreq bil-pazjenti u t-tobba u n-nurses ma jistgux ilaħħqu mal-load li għandhom hemm hekk u nispiccaw b’operazzjonijiet posposti”
Stephen Spiteri saħaq li għal kuntlarju tal-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela, il-Partit Nazzjonalista għandu diversi pjanijiet sabiex itejjeb il-kwalità tal-ħajja għall-pażjenti, fosthom li jiġu introdotti aktar mediċini b’xejn fil-formolarju, filwaqt illi jinfetaħ Sptar ġdid f’Għawdex.
Minn naħa tiegħu, il-kelliem għal-kura primarja u s-saħħa mentali Ian Vassallo insista li għal snin sħaħ il-Gvern ta’ Joseph Muscat, u wara b’kontiwità ta’ Robert Abela, ħallas miljuni kbar lil kumpaniji Vitals/Steward u minnhom lanqas ħadna l-minimu li kien imwiegħed.
Minflok illum għandna servizz tas-Saħħa li ma sarx investiment biżejjed fih….u minn dan kollu qed ibati l-pazjent u l-professjonist.
“Is-saħħa mentali qed taffetwa lil kulħadd. Aħna nemmnu li hemm bżonn Sptar ġdid għas-saħħa mentali. Aħna nemnu li hemm bżonn ċentru ġdid għas-saħħa mentali u ċentri ġodda li jgħinu lil persuni ta’ età żgħira li jkollhom bżonn kura tas-saħħa mentali, biex meta jsibu problema jersqu l’quddiem u jitkellmu.”
Ian Vassallo fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li investa fis-settur tas-Saħħa – biċ-Ċentru tal-Onkoloġija, l-Isptar Mater Dei u diversi kliniċi madwar Malta u Għawdex.
Filwaqt li tenna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem u jagħmel pressjoni biex tingħata kura tas-saħħa aħjar u b’dinjità.
“Aħna ħa nkomplu nafsu biex ninvestu fil-kura tas-saħħa u naraw li dak li gie mwiegħed jitwettaq”
//= $special ?>