Kienet serata mill-isbaħ dik li ġiet organizzata mill-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann – serata li matulha ġiet iċċelebrata l-istorja tal-arazzi.
Bit-tema ‘A Gift of Glory’, il-Fondazzjoni ħasbet biex twassal tagħrif dwar dawn l-opri tal-arti uniċi; li issa ġew restawrati wara proċess li ħa snin twal.
Is-serata infetħet mill-Professur Mons. Emmanuel Agius, President tal-Fondazzjoni. U matulha mhux biss twasslu diversi diskorsi u preżentazzjonijiet riċerkati…iżda kien hemm anke waqfiet mużikali.
Din is-serata kulturali offriet opportunita unika għal dawk kollha preżenti biex jammiraw l-arazzi li jinsabu imdendlin mill-ġdid fil-Konkatirdral – f’xenarju uniku li jieħdok lura għal żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.
Fil-fatt, dawn l-arazzi kienu ngħataw bħala rigal lil pajjiżna mill-Gran Mastru Perellos bejn l-1697 u l-1702. Din il-kollezzjoni tikkonsisti minn 29 arazz li juru episodji mill-ħajja ta’ Kristu kif ukoll it-Trijonf tal-Knisja Kattolika.
//= $special ?>