Lokali

Tingħalaq parti mill-flyover tal-Marsa wara tixrid ta’ żejt tat-tisjir

Sas-Sibt bil-lejl il-parti tal-flyover tal-Marsa li tagħti minn Triq Garibaldi għal Triq Aldo Moro  se tkun qed terġa’ tinfetaħ għat-traffiku.

Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata minn Infrastructure Malta wara li l-Ġimgħa filgħodu trakk li jġorr il-merkanzija għal xi raġuni waqqa madwar mitejn litru żejt tat-tisjir fuq din il-parti tal-flyovers.

Konsegwenza ta’ dan l-incident, iż-żejt inxtered mhux biss fuq il-flyover iżda anke madwar iz-zona kollha fejn tispicca Triq Garibaldi. B’kollox jidher li kien madwar 200 litru it-total ta’ żejt li inxtered.

Fil-post ġew imsejħa minnufih uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew il-ħidma tagħhom sabiex jitnaddaf dan iż-żejt li huwa ta’ periklu serju għas-sewwieqa. U l-aħħar sigħat kienu litteralment ġirja kontra l-ħin….bit-tama li din ir-rotta terġa’ tinfetaħ sas-Sibt filgħaxija.

Matul il-konferenza li ssejħet għall-media ġie spjegat illi l-istruttura tal-flyover ġarrbet ħsarat estensivi … u għaldaqstant madwar 300 metru tal-flyover se jkollu jingħata wiċċ ġdid.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Ivan Falzon saħaq li kawża tat-tixrid taż-żejt, il-likwidu għadda minn diversi sistemi tal-flyover.

Għaldaqstant fis-sigħat li ġejjin fit-triq se jkunu qed isiru x-xogħlijiet meħtieġa u għalhekk is-sewwieqa huma mħeġġa josservaw sinjal ta’ devjazzjoni li se jkun qed jitqiegħdu fiż-żona.

Intant….jidher li mal-ewwel ġie identifikat is-sewwieq illi waqqa’ dan iż-żejt tal-ikel fuq il-flyover tal-Marsa. Bil-Pulizija se tkun qed titkellem miegħu biex tikseb aktar informazzjoni fuq id-dinamika tal-każ.