Ambjent Lokali

“Issa xebbajtuna… bini bla rażan kullimkien”

Eluf jieħdu sehem fil-protesta li saret fil-Belt Valletta kontra l-isfreġju ambjentali

Issa xebbajtuna… bini fil-kampanja, tkissir tal-wirt storiku, ħerba fiz-zoni urbani u anke fil-baħar… bini bla rażan kullimkien.

Kien dan is-sentiment komuni li twassal minn bosta għaqdiet u akkademiċi li s-Sibt filgħodu flimkien ma’ eluf ta’ persuni nġabru l-Belt Valletta fi protesta bl-isem ‘Xebbajtuna’.

Protesta li bdiet minn ħdejn Pjazza Tritoni u mxiet tul it-toroq tal-Belt Valletta fejn il-folla waqfet quddiem il-bini ta’ Kastilja f’għajta waħda ta’ Xebbajtuna. Wara l-folla prezenti bagħet miexja sa quddiem il-Qorti fejn hemmhekk saru numru ta’ diskorsi.

Jacqueline Rotin residenta ta’ Wied il-Għajn saħqet li llum ngħaqdu lkoll flimkien sabiex ikun hemm bidla fir-rotta distruttiva li qabad dal-pajjiż. Fejn ilkoll flimkien iridu jkunu l-bidla li pajjiżna tant jeħtieġ. Bidla fl-amministrazzjoni tal-art pubblika… bidla bil-liġijiet u l-policies… li jkunu l-istess għal kulħadd. Hija appellat sabiex ikun hemm iktar sigurta fuq il-postijiet tax-xogħol speċjalment għal dawk li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni, filwaqt li għandu jkun hemm pjan aħjar għall-iskart tal-kostruzzjoni.

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg qal li Għawdex huwa ta’ kulħadd, jiġifieri huwa fl-interess ta’ kulħadd li jibża’ għalih. Saħaq li ma jiflaħx jara deċiżjonijiet ta’ danni meħuda bi pressjoni minn kuntratturi kbar li huma motivati biss mill-flus u l-business. Ma naqas li jagħmel referenza għall-każ tal-Ħondoq.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana qal li peress li pajjiżna huwa żgħir b’popolazzjoni għolja, l-ippjanar huwa essenzjali, fejn l-ispajzi miftuħa huma ħafna iktar bżonnjużi. Huwa qal li l-livell tal-ippjanar f’pajjiżna qed jikkrolla fejn l-entitajiet li suppost qegħdin hemm għal-ħarsien tal-ġid komuni qed isir aktar rotob u permissibbli.. fejn sar jgħaddi kollox.

Is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche qal li jinsab imħasseb ferm dwar il-futur ta’ pajjiżna u dwar il-futu li se nħallu lil uliedna. Pajjiż li qiegħed jagħżel ir-regħba u l-flus qabel il-poplu tiegħu. Saħaq li kull ċittadin jinsab imħasseb bid-direzzjoni li qabad pajjiżna.. fejn bħal gaffa qed jibqgħu għaddejjin minn fuq dawk kollha li jipproaw jiefqu għal dawn l-isfreġji ambjentali. Huwa appella sabiex kulħadd jingħaqad flimkien b’vuċi waħda għax fejn hemm is-saħħa hemm l-għaqda.

Astrid Vella mill-Għaqda Flimkien Għal Ambjent Aħjar qalet li s-saħħa tagħna u ta’ wliedna hi mhedda minħabba policies żbaljati… minħabba Gvern li moħħu biss biex iżid il-bini u l-karozzi… minħabba Gvern li għamel żwieġ infami mal-ispekulaturi li qed jimmina l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.  Apparti dan, hija qalet li dan il-bini bla rażan spiċċa qed ikerrah lil pajjiżna anke b’detriment għall-bini storiku li qed jafettwa wkoll it-turiżmu.

Andre Callus attivist tal-Moviment Graffiti qal li pajjiżna spiċċa mmexxi minn Gvern li nħataf u spiċċa fil-but tal-iżviluppaturi u negozjanti kbar li huma l-vera ħakkiema ta’ pajjiżna. Qal li spiċċaw jiġġieldu kontra mostri kbar tar-rebgħa tal-korruzzjon… fejn din hija gwerra kontra l-kwalita tal-ħajja u l-ambjent ta’ pajjiżna. Andre Callus qal li ir-responsabiltà aħħarija tal-ħerba ambjentali u l-qerda mgħaġġla ta’ pajjiżna taqa’ fuq il-Prim Ministru għax dak li qed jiġri mhuwiex riżultat tat-traskuraġni ta’ xi individwu f’xi awtorità, imma ta’ direzzjoni politika li tbiegħ lill-Malta għall-interessi tal-ftit.

ġ