“Hawn entużjażmu u motivazzjoni kbira fost l-atleti Maltin. L-appoġġ tal-pubbliku Malti hu importanti ħafna għalina.”
Tiddikjara dan l-atleta ta’ Pembroke Atleta, Sana Grillo.
Tgħidilna li “jien bdejt minn età żgħira il-ġinnastika. Kont fit-tim nazzjonali u barra minn Malta kkompetejt fil-logħob tal-Commonwealth. Kont iddeċidejt li naqleb fuq sport ieħor. Ħija Beppe kien jipprattika l-atletika u bdejt jien ukoll. Fil-bidu bdejt bil-ġiri imma imbagħad qlibt għal pole vault.”
Eċċitata ħafna biex nieħu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar
Sana tgħidilna li “Hawn entużjażmu kbir fost l-atleti għal dawn il-logħob. Jien eċitata ħafna. Dawn se jkunu t-tieni logħob li se nkunu qed nieħdu sehem fihom. L-ewwel kompetizzjoni li ħadt sehem fiha kienet dik tal-ġinnastika li kienu saru fis-sena 2015 fl-Iżlanda. Qiegħda nistenna bil-ħerqa biex jibdew.”
Titkellem dwar l-appoġġ tal-pubbliku, fejn il-fatt li dawn il-logħob se jsiru f’pajjiżna għandha tgħin biex l-appoġġ jikber. Tgħidilna li “l-appoġġ tal-pubbliku hu importanti ħafna. Tħossok differenti tkun taf li ġejjin jarawk. Dik toħloq ukoll xi ftit tal-pressjoni. Li jkun hemm daqxejn pressjoni togħġobni u hi tajba. Jien apparti li jien sportiva, jien ukoll Sport Psychological Practioner. Għalhekk l-isport hu parti kbira minn ħajti. Trid taħdem u tistinka biex finalment tilħaq fejn trid. Lil min se jibda jitħarreġ f’xi dixxiplina jew forsi qed jitħarreġ imma qed jaqta’ qalbu, il-parir tiegħi hu wieħed – ibqgħu aħdmu u ibqgħu tħarrġu. Iċċedux”.
Hawn ħafna appoġġ… immorru barra nitħarrġu u niġu b’aktar determinazzjoni
Sana titkellem dwar l-opportunitajiet li jeżistu llum biex l-atleti jitħarrġu u jkunu preparati biex itejbu l-prestazzjoni u biex jibqgħu għaddejjin bit-taħriġ. Tisħaq li “l-għajnuna li teżisti hi sostanzjali. Jien pereżempju fil-pole vault nara li qegħdin ftit bħala atleti, imma qegħdin grupp magħqudin ħafna. Meta nmorru barra għal taħriġ jew kompetizzjonijiet, niġu lura b’aktar determinazzjoni. Inkun motivata ferm aktar biex inkompli nitħarreġ.”
Dejjem ippreferejt sport individwali
Meta mistoqsija għaliex għażlet li titħarreġ fi sport individwali, tiddikjara li “jien minn dejjem ippreferejt sport individwali. Jien bħala persuna ma nkunx irrid nitfa’ pressjoni fuq persuni oħra li jkunu f’tim. L-isport lili dejjem affaxxinani. Jien ma narahx bħala xogħol u ndeffsu kullimkien. Meta nkun qed nitħarreġ għax ikun mod kif ninqata’ mir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum.”
Fil-Pole Vault qisna familja żgħira
Dwar l-atleti fid-dixxiplina tal-Pole Vault, Sana tgħid li “verament li aħna grupp żgħir. Ngħid imma li qisna familja żgħira. Ilna nafu lil xulxin mill-ġinnastika u verament qegħdin qrib xulxin. Hemm atmosfera pożittiva. Kultant titkellem ma’ persuni u kif issemmilhom il-pole vault jgħidulek ‘dan x’inhu?’ Nemmen li hemm bżonn aktar għarfien u informazzjoni dwar dan l-isport biex b’hekk aktar studenti jitħajjru jipprattikawh.”
//= $special ?>