Internazzjonali

L-Ukrajna lesta sabiex tibda l-kontro-offensiva

L-Ukrajna tinsab lesta sabiex tibda operazzjoni tal-kontro-offensiva. Dan qalu Uffiċjal tas-Sigurtà waqt intervista li saritlu iżda fl-ebda ħin ma’ żvela d-data ta’ din il-kontro-offensiva fejn il-pjanijiet ilhom għaddejjin għal diversi xhur.

Id-dewmien għal din il-kontro-offensiva kien minħabba l-fatt li l-Ukrajna kienet qed tistenna l-armamenti imwiegħda filwaqt li kien għaddej taħriġ intensiv mal-militari. Waqt l-intervista intqal li huwa essenzjali li din il-mossa tkun ta’ suċċess sabiex l-qawwiet Ukreni juru lill-alleati tagħhom li huwa possibli li ddgħajjef il-qawwiet Russi.

Barra minn hekk, komplew l-attakki bil-missili fuq diversi ibliet Ukreni fejn fl-aħħar jiem sptar fi Dnipro inqered għal kollox. Kaġun ta’ dan l-attakk żewġ persuni tilfu ħajjithom filwaqt li ‘il fuq minn 30 persuna ġarrbu l-ġrieħi. Fost dawk li ndarbu hemm it-tfal.

Minn naħa tiegħu, l-President Ukren Volodomyr Zelensky ikkundanna dan l-attakk u qal li l-attakk huwa atroċità kbira. Filmat fuq il-media soċjali filfatt juri l-isptar maħkum minn nirien.

Minn naħa tagħhom, il-qawwiet Russi qalu li fl-aħħar 24 siegħa interċettaw żewġ cruise missiles bl-isem ‘Storm Shadow’ li kienu ngħataw lill-Ukrajna mir-Renju Unit. Ir-Russi rnexxielhom iwaqqgħu 19-il drone. Iżda l-ministeru tad-difiża fir-Russja fl-ebda ħin ma qal fejn dawn il-missili kienu interċettati.

Madanakollu pajjiżi oħra għadhom qed iżommu lura milli jibagħtu armi nukleari lill-Ukrajna għaliex jinsabu inkwetati li l-attakki fiż-żewġ pajjiżi jkomplu jeskalaw.

Intant, mill-ġimgħa li ġejja mijiet ta’ impjegati Ġermanizi li jaħdmu f’istituzzjonijiet kulturi fir-Russja se jitkeċċew mill-pajjiż. Il-maġġoranza ta’ dawn l-impjegati huma edukaturi u diplomatiċi. Din il-mossa se titfa’ aktar tensjoni fuq ir-relazzjonu bejn iż-żewġ pajjiżi.

Mill-bidu ta’ din il-gwerra diversi pajjiżi li jiffurmaw parti mill-Unjoni Ewropea keċċew diplomati Russi wara li kienu taħt suspett ta’ spjunaġġ.