Lokali

Organizzata ‘Festa Fjuri’ fl-Iklin

Is-Sibt saret edizzjoni oħra ta’ Festa Fjuri, hekk kif din il-festa issa saret sinonima mal-lokalita tal-Iklin.

Il-Kunsill Lokali kien welled l-idea mill-isem li ġġib il-lokalità stess tal-Iklin, li hija ħaxixa aromatika f’Malta li tinsab f’diversi nħawi – anke fl-Iklin.

Matul din il-ġurnata kien hemm bosta attivitajiet differenti li inkludew taħdidiet pubbliċi dwar suġġetti varji relatati man-natura, inkluż dwar siġar Maltin, siġar tal-frott fil-Ġnien, l-ekoloġija lokali, il-kunċetti wara l-produzzjoni tal-ikel imsejjaħ organiku, riċetti, u anke dwar ġonna pubbliċi.

Net News tkellem mas-Sindku ta’ din il-lokalità Dorian Sciberras fejn spjega iktar fid-dettall l-attivitajiet prinċipali ta’ Festa Fjuri.

Fil-Festa Fjuri ipparteċipaw ukoll għaqdiet tal-lokal fosthom l-Iklin Scout Group u Lija/Iklin Football Youth Academy li tellgħu numru ta’ attivitajiet. Kien hemm ukoll grupp ta’ żeffiena b’kostumi relatati man-natura.

Apparti dan, saret ukoll sezzjoni għall-kreattività bit-tema ‘Rokna għall-artisti’ fil-ġnien Ninu Cremona fejn numru sabiħ ta’ artisti fil-maġġor parti minn din il-lokalità esebixxew l-arti tagħhom u pittru xi xenarji relatati man-natura.