Futbol Sport

Premier League Ingliż: L-aħħar programm ta’ logħob deċiżiv għal Everton, Leicester u Leeds United

Iċ-Champions Ingliżi, Manchester City, ftit jiem ilu għalqu kull diskors dwar id-destin tal-kampjonat u għat-tielet titlu konsekuttiv – bl-aktar punt ta’ interess, għada, jinvolvi tliet tims fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika li tnejn minnhom iridu jakkumpanjaw lil Southampton ( bħala l-ewwel tim relegat) f’The Championship.

It-tliet tims li ħallew lis-sapporters tagħhom fuq ix-xwiek huma Everton, Leicester City u Leeds United – b’Everton qed jidhru li għandhom bil-wisq l-akbar ċans li jsalvaw meta jospitaw lil Bournemouth f’Goodison Park. Dan meta ċ-Cherries diġà salvaw posthom matematikament wara tmiem tal-istaġun impressjonanti u hemm kull possibbiltà li huma ma jkunux daqstant immotivati.

Mill-banda l-oħra, Leicester u Leeds iridu bilfors jirbħu l-logħbiet rispettivi u fejn xorta jistgħu jitilfu posthom fl-ogħla diviżjoni f’sitwazzjoni fejn Everton jaċċertaw mit-tliet punti.

Everton, li urew titjib notevoli taħt it-tmexxija ta’ Sean Dyche, jafu eżatt xi jridu jagħmlu biex ma jħassrux ir-rekord formidabbli bħala klabb li qatt ma tilef postu mill-ogħla diviżjoni Ingliża.

Sadanittant, it-Toffees se jinżlu għal din il-logħba mingħajr Dominic Calvert-Lewin u Nathan Patterson ( it-tnejn imweġġħin) iżda għandhom jilqgħu lura fit-tim lil Amadou Onana – bil-midfielder Philip Billing se jkun inkluż fit-tim ta’ Bournemough wara li rkupra minn injury f’dahru.

Intant, aspett ieħor favorevoli għal Everton hu li l-klabb minn Merseyside isalva wkoll f’sitwazzjoni fejn Leicester u Leeds it-tnejn ifallu minn rebħa fl-aħħar ġurnata.

Leicester City, li ftit tas-snin ilu kienu rebħu l-Premier League Ingliż f’waħda mill-akbar sorpriżi fl-istorja tal-futbol modern, jistgħu jkunu sigħat biss ‘il bogħod mir-relegation fejn jafu li jridu rebħa bilfors f’darhom kontra West Ham biex ma jmutux it-tamiet tagħhom.

Intant, il-fatt li l-Hammers għandhom għajn waħda fuq il-finali tal-Europa Conference League kapaċi jaħdem favur Leicester, iżda l-Foxes huma konxji li – minkejja l-aħjar sforzi tagħhom – setgħu ħallewha tard wisq biex ipattu għal staġun mill-aktar deludenti.

Il-Foxes huma ċerti li l-captain, Jonny Evans, se jibda din il-logħba, l-istess bħal Kiernan Dewsbury-Hall u Ricardo Pereira li sa ftit ilu kienu indisposti għall-manager Dean Smith. Madankollu, Leicester mistennija jħossu ħafna n-nuqqas tal-midfielder, Wilfred Ndidi li ilu l-aħħar snin bħala pilastru fil-midfield minbarra li punt ta’ riferiment għal sħabu.

Mhux eskluż li l-manager ta’ West Ham, David Moyes, kapaċi jserraħ xi plejers titulari għal din il-logħba, iżda fl-istess ħin, il-Hammers se jkunu attenti biex ma jitilfux l-ispinta tal-aħħar riżultati pożittivi meta huma qed iħejju għall-ewwel finali fl-Ewropa mill-1965 (fejn kienu għelbu lil Munich 1860 fil-finali tal-Cup Winners Cup).

Leeds United ukoll qegħdin iħarsu lura b’mhux ftit tad- dispjaċir wara tieni rawnd tal-kampjonat diżastruż fejn huma tilfu t-triq għar-rebħ għal ġimgħat konsekuttivi. Minbarra dan, il-Yorkshiremen, f’April, spiċċaw jaqilgħu 23 gowl f’seba’ logħbiet u li hu rekord għall-klassifika tal-‘goals against’ għal kwalunkwe klabb għal xahar wieħed fl-istorja tal-Premier League Ingliż.

Intant, Leeds illum jilqgħu f’darhom lil Tottenham Hotspur – tim ieħor li ddiżappunta bil-kbir u meta ċ-ċansijiet qed jidhru żgħar għal miraklu. Intant, Spurs qed jittamaw f’rebħa li kapaċi tikkonsolidalhom is-seba’ post fil-klassifika ( u parteċipazzjoni fl-Ewropa) wara xhur involuti fi ġlieda għat-Top Four.

Leeds ilhom l-aħħar tliet snin jilgħabu fil-Premier League u din is-sena rari kienu barra miz-zona l-ħamra – u bir-riżultat li, wara t-terminu pjuttost twil taħt it-tmexxija ta’ Marcelo Bielsa, huma ingaġġaw u keċċew lil żewġ managers oħra, Jesse Marsch u Javi Gracia, u bit-tim xorta waħda ma jieħux ruħ.

Fil-fatt, il-manager attwali – il-veteran Sam Allardyce – ingħata erba’ logħbiet biss biex idawwar id-destin tal-klabb u biex jissoda d-difiża li hi l-aktar waħda, fost id-difiżi kollha tal-Premier League, li qalgħet gowls matul l-istaġun.

Skont l-aħħar indikazzjonijiet, Leeds se jkollhom lura lil Junior Firpo fid-difiża iżda għal dan il-konfront mistennija jkunu mingħajr it-top scorer Rodrigo waqt li l-attakkant l-ieħor Patrick Bamford huwa dubjuż.

Min-naħa tagħhom, Spurs, li tilfu l-aħħar logħba f’darhom ma’ Brentford, għandhom nieqes lid-difensur Cristian Romero iżda jista’ jirritorna għalihom il-midfielder Daniż, Pierre-Emile Hojbjerg.

Fl-aħħar jum tal-kampjonat hemm ukoll interess dwar it-tims li se jispiċċaw it-tielet u r-raba’ fil-klassifika ( wara Man City u r-runners-up Arsenal) b’Manchester United jilqgħu lil Fulham f’Old Trafford waqt li Newcastle United huma impenjati ma’ Chelsea f’Londra.

Fil-preżent, ir-Red Devils, li fit-3 ta’ Ġunju jilgħabu kontra Manchester City fil-finali tal-FA Cup (f’Wembley), fil-preżent jinsabu t-tielet, b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq il-Geordies u meta ż-żewġ klabbs huma ċerti minn parteċipazzjoni fiċ-Champions League, fl-istaġun li ġej.