GSSE Malta 2023 Sport

”Qatt ma konna noħolmu li naslu sa ċerti livelli” – Beppe Grillo (Atletika)

L-aħbarijiet pożittivi mid-dixxiplina tal-atletika spikkaw proprju fl-aħħar ġimgħat meta ġew stabbiliti rekords ġodda. Beppe Grillo hu wieħed minn dawn l-atleti li ġab riżultati mill-aqwa barra minn xtutna.  Hu fil-fatt kien irnexxielu jikseb ħin tajjeb taħt is-7 sekondi fil-heat tas-60 metru fil-Kampjonjati Ewropej Indoor li kienu saru f’Istanbul fit-Turkija. L-isprint tiegħu kellha l-aqwa ħin staġjonali għaliħ ta’ 6.95 sekonda. Propju ftit ilu biss, Beppe ħa sehem f’kompetizzjoni f’Firenze. It-tim Malti fir-relay, kompost minn Graham Pellegrini, Beppe Grillo, Luke Bezzina u Gaetano di Franco stabbilixxa l-aqwa ħin ta’ kull żmien b’40.62 sekonda.

Nitkellmu ma’ Beppe dwar l-atmosfera proprju ftit jiem qabel il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. “Fil-verità kulħadd eċitat biex naraw ir-riżultati. Ilna ħafna nippreparaw għal dawn il-logħob u anke organizzajna kompetizzjonijiet bejnietna. Kulħadd qed jaħdem bla heda biex nimbuttaw kemm nistgħu. Hemm entużjażmu kbir”.

Itenni li “sforz it-taħriġ u l-esperjenzi li ksibna anke barra pajjiżna rnexxielna nilħqu livell li qabel qatt ma konna noħolmu li nilħqu. Dan seħħ għax illum l-opportunitajiet tjiebu ħafna. Tejjibna r-rekords nazzjonali. Nista’ ngħidlek li fil-200m sprint kienet diffiċli nġibu ħin ta’ inqas minn 22 sekunda. Issa qegħdin kważi ninżlu taħt il-21 sekonda. Il-livell tjieb ħafna.”

Jeżisti ħafna appoġġ

Beppe jgħidilna li “llum l-appoġġ li ningħataw żdied. Illum hemm fondi minn Sports Malta. Il-klabb li miegħu reġistrat jien Pembroke Athleta ituna appoġġ f’diversi oqsma.  Il-klabb daħal f’dik li tissejjaħ EAP, li hi inizjattiva li jinġabu altleti barranin f’pajjiżna u aħna imbagħad inmorru nikkompetu f’faċilitajiet barra pajjiżna. Din hi inizjattiva li qiegħda tgħin ħafna.  Il-prestazzjonijiet tagħna tjiebu laħqu ċertu livelli għax hemm appoġġ. Illum anke l-gyms huma mgħammra tajjeb ħafna u t-track ġiet  imtejba”.

Jien bdejt bil-futbol iżda mbagħad iddeċidejt li naqleb għall-atletika

Nistaqsu kif għażel dixxiplina sportiva li hi individwali u mhux waħda li fiha hemm spirtu ta’ tim. Bla tlaqlieq Beppe jgħidilna li ”fil-verità jien bdejt fil-futbol. F’tim ma jiddependix minnek biss. Inti tiddependi fuq sħabek u huma fuqek. Din il-ħaġa kienet iddejjaqni. Ridt li niddependi fuqi nnifsi. Fil-futbol kont niġri ħafna u kien għalhekk li qlibt għall-atletika. Bdejt sitt snin ilu. Għamilt xi sentejn wieqaf. Erġajt bdejt qisu sena u nofs ilu.”

Fl-isport trid tagħmel sagrifiċċji personali

Ma jonqosx li jitkellem dwar is-sagrifiċċji personali. “L-isport hu dixxiplina li trid tagħmel is-sagrifiċċji. Trid taħdem biex tilħaq dak li tkun immirajt għalih.  Is-sagrifiċċji personali huma diversi, fosthom li meta jkunu ġejjin kompetizzjonijiet ma toħroġx ma sħabek. Toqgħod attent x’tiekol. Jien student u għalhekk apparti l-atletika għandi ukoll l-istudji tiegħi. Ġieli minflok nistudja u nipprepara għall-eżamijiet inkun qed nitħarreġ il-Marsa. Dawn jaffettwawk għax mhux dejjem faċli.  Biex tilħaq il-bilanċ hi diffiċli.  Nemmen li llum hawn nmin jieqaf mill-isports biex ikompli xi karriera. Għax il-mistoqsija li tqum hi li jekk tkompli fl-isports, meta tieqaf mill-isports minħabba l-età x’se tagħmel? Nemmen li jekk irridu nimxu aktar ‘il quddiem hemm bżonn li dawn is-sitwazzjonijiet nagħtu aktar kashom. Jidher li mexjin lejn din id-direzzjoni t-tajba”.